Il-Membri Parlamentari Ewropej lestew ix-xogħol leġiżlattiv fuq il-pakkett taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sabiex l-ivvjaġġar fl-UE jseħħ aktar faċilment u jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku.

Il-plenarja approvat ir-Regolamenti l-ġodda dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’546 voti favur, 93 kontra u 51 astensjoni (Ċittadini tal-UE) u b’553 voti favur, 91 kontra u 46 astensjoni (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi).

Iċ-ċertifikat se jinħareġ mingħajr ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali u jkun disponibbli jew f’forma diġitali jew stampata u jkun fih QR code. Id-dokument se jiċċertifika li persuna tkun ġiet imlaqqma kontra l-COVID-19 jew, inkella, li riċentement kellha riżultat negattiv għal test, jew li tkun irkuprat mill-infezzjoni. Fil-prattika, dawn se jkunu tliet ċertifikati separati. Qafas komuni tal-UE se jagħmel iċ-ċertifikati interoperabbli u verifikabbli madwar l-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll jipprevjeni l-frodi u l-falsifikazzjoni.

Is-sistema se tapplika mill-1 ta’ Lulju 2021 u tkun fis-seħħ għal 12-il xahar. Iċ-ċertifikat ma jkunx prekundizzjoni għall-moviment ħieles u mhux se jitqies bħala dokument tal-ivvjaġġar.


Restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar biss jekk verament ġustifikati

Matul in-negozjati, il-MPE irnexxielhom jiżguraw ftehim li l-pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar fuq persuni li jkollhom iċ-ċertifikat – bħall-kwarantina, awto-iżolament jew ittestjar – “ħlief jekk ikunu neċessarji u proporzjonati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika”. L-evidenza xjentifika, “inkluża d-data epidemjoloġika ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)” ser ikollha titqies. Meta jkun possibbli, il-miżuri għandhom ikunu notifikati 48 siegħa qabel lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Il-pubbliku għandu jkun notifikat 24 siegħa qabel.


Ittestjar bi prezz raġonevoli u aċċessibbli

L-Istati Membri tal-UE huma mħeġġa jiżguraw li l-ittestjar ikun disponibbli faċilment bi prezz raġonevoli. Fuq talba tal-Parlament, il-Kummissjoni wiegħdet li timmobilizza €100 miljun taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jixtru testijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati COVID Diġitali tal-UE dwar testijiet.


Vaċċini

Il-pajjiżi kollha tal-UE jridu jaċċettaw iċ-ċertifikati ta’ vaċċinazzjoni maħruġa fi Stati Membri oħra għall-vaċċini awtorizzati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). Se jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jaċċettawx ukoll ċertifikati għall-vaċċini awtorizzati skont proċeduri ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali jew għall-vaċċini fil-lista tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-użu ta’ emerġenza.

Salvagwardji tal-protezzjoni tad-data

Id-data personali kollha trid tkun ipproċessata skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Iċ-ċertifikati jiġu vverifikati offline u l-ebda data personali ma tinżamm. It-test issa jrid jiġi adottat formalment mill-Kunsill u jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, għal dħul fis-seħħ immedjat u jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.