Trid tkun taf aktar għaliex huwa importanti li jkollok fond ta’ flus għal dak li jista’ jinqala’? Ara l-filmat tal-Fond Rainy Day tagħna billi tikklikkja hawn.   Dan il-filmat tal-ĠEMMA fuq fond ta’ flus għal dak li jista’ jinqala’ twettaq mas-sieħeb strateġiku tagħna, il-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Jekk segwejt il-posts ta’ ĠEMMA, kif ukoll webinars fuq l-istħarriġ tal-polz fuq l-immaniġġjar tal-flus, issib li nitkellmu dwar fond finanzjarju għal dak li jista’ jinqala’. Qabel ma nidħlu aktar fid-dettall, hemm xi wħud li jiddistingwu bejn fond ta’ “emerġenza” u “fond għal li jista’ jinqala’”. Id-differenza bejn it-tnejn hija li fond ta’ emerġenza jipprovdi xibka ta’ sigurtà kontra fondi kbar mhux mistennija, u l-“fond għal li jista’ jinqala’” għal avvenimenti minuri mhux mistennija. Fl-opinjoni tagħna li nippruvaw niddistingwu bejn żewġ fondi jagħmilha diffiċli li jiġu spjegati u tista’ jinħoloq ċertu taħwid.

Għalhekk, aħna f’ĠEMMA nitkellmu dwar l-importanza li jkollna fond għal li jista’ jinqala’. Jista’ jkun li qed tistaqsi x’inhu fond għal li jista’ jinqala’? Fi kliem sempliċi sempliċi fond għal li jista’ jinqala’ hu xibka ta’ sigurtà finanzjarja li tipproteġik meta jiġri xi ħaġa mhux mistennija. Allura immaġina pereżempju li l-klaċċ tal-karozza tiegħek ma jibqax jaħdem. Hemm erba’ xenarji bażi ta’ kif dan għandu jiġi ttrattat:

  1. M’għandekx flus u diġà qbiżt il-limitu fuq il-karti ta’ kreditu tiegħek. Ikollok tipparkja l-karozza tiegħek ħdejn id-dar tiegħek u tħalliha hemm sakemm ikollok il-flus biex issewwiha.
  2. Għandek il-flus fil-bank iżda dawn huma marbuta. Tiddeċiedi li timmassimizza l-karta tal-kreditu tiegħek sabiex tirranġa l-karozza tiegħek. Issa għandek piż finanzjarju addizzjonali u impenn ta’ kull xahar biex tħallas il-kard tiegħek.
  3. Għandek il-flus fil-bank. Toħroġ il-flus mill-kont tat-tfaddil tiegħek biex tħallas l-ispejjeż tat-tiswija. Madankollu, issa għandek inqas flus miġmugħa.
  4. Apparti minn tfaddil ieħor, kull xahar twarrab somma oħra sabiex tibni fond għal li jista’ jinqala’. Għalhekk – tħallas it-tiswijiet permezz tal-fond għal li jista’ jinqala’ tiegħek; u meta tagħmel dan tkun tevita kriżi żgħira li tista’ tarak tnaqqar dak li ġemmajt sa tipparkja l-karozza sakemm tkun tista’ taffordja t-tiswija.

B’fond għal li jista’ jinqala’ inti tkun qed tixtri lilek innifsek serħan il-moħħ għall-futur. Meta tolqtok kriżi—kbira jew żgħira—il-finanzi tiegħek ma jżidux l-livelli ta’ stress tiegħek peress li dawn diġà tkun ħsibt għalihom, sabiex tkun tista’ tkompli b’dak li jeħtieġ li jsir. Dan jipprovdilek xibka ta’ sigurtà finanzjarja. Barra minn hekk, fond għal li jista’ jinqala’ jipproteġik milli tnaqqar il-kontijiet oħra ta’ tfaddil meta tintlaqat minn kriżi, u jgħinek tibqa’ fil-mira bl-għanijiet kollha tal-ibbaġitjar u t-tfaddil tiegħek.