Il-konġestjoni tat-traffiku u l-istaġnar kostanti f’ċerti zoni reġgħu tfaċċaw hekk kif il-ħajja qed terġa’ lura għan-normal bit-tnaqqis tar-restrizzjonijiet Covid-19. Sfortunatament, is-sitwazzjoni tat-traffiku mhix aħjar minn dik ta’ qabel il-pandemija. Probabbilment, is-sitwazzjoni marret għall-agħar. Filwaqt li hemm iktar nies li qed jaħdmu mid-dar, il-flotta ta’ karozzi fit-toroq Maltin kompliet tiżdied. Sal-aħħar ta’ Marzu, in-numru ta’ karozzi f’Malta laħaq 404,303, li hija żieda ta’ 29,262 fi tliet snin biss.

Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba xogħlijiet tat-toroq li jvarjaw minn dawk residenzjali sa toroq arterjali. Bħalissa hawn madwar 121 proġett għaddejjin u għalhekk mhux sorpriża li kemm filgħodu u wara nofsinhar meta kulħadd ikun sejjer mix-xogħol għad-dar, is-sitwazzjoni fit-toroq tiggrava. Xi drabi, iżda, dan jista’ jiġi evitat. Jidher li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni, tabelli ħżiena u xogħlijiet ta’ kafkaf saru endemiċi minkejja l-wegħdi numerużi li saru matul is-snin inkluż it-twaqqif ta’ Infrastructure Malta li kienet maħsuba biex l-affarijiet isiru aħjar. Spiċċajna f’sitwazzjoni li kif tieqaf karozza fi triq arterjali partijiet kbar tal-pajjiż jieqfu ħesrem. Dan l-aħħar sprall miftuħ fil-mini ta’ Santa Venera ħoloq konġestjoni tat-traffiku sat-Triq Tal-Barrani fiż-Żejtun.

F’intervista mal-Voice of the Workers Weekly, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg dan l-aħħar irrikonoxxa li s-sitwazzjoni ma kinitx feliċi imma Ikkonsla bil-fatt li fi ftit xhur is-sitwazzjoni kellha titjieb għax kellhom jintemmu x-xogħlijiet fil-mini ta’ Ħal Kirkop, Santa Venera, Triq Reġjonali u Tal-Qroqq, filwaqt li l-proġett Central Link għandu jkun lest sa tmiem din is-sena. Għalkemm dawn il-proġetti, inkluż dak ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata fil-Marsa qed itaffu s-sitwazzjoni, jekk it-tkabbir fil-popolazzjoni jippersisti, din tkun biss soluzzjoni għal żmien qasir. Minkejja l-miljuni investiti fit-toroq, is-sitwazzjoni għadha kritika minħabba li dewmien f’zona partikolari joħloq traffiku diversi kilometri ’l bogħod.

Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun xi forma ta’ trasport tal-massa alternattiv li, b’differenza mill-karozzi tal-linja, ma jintlaqatx mill-konġestjoni fit-toroq. Scooters, roti, pedelecs u muturi jistgħu ikunu soluzzjoni għal xi wħud imma żgur mhux għall-maġġoranza. Barra minn hekk, it-topografija ta’ Malta, in-nuqqas ta’ korsiji dedikati u livell ta’ sewqan fit-toroq jistgħu ikunu ta’ ostaklu.

Il-proposta li jkun hemm metro titla’ fuq l-aġenda tal-pajjiż kull tant żmien, iżda s’issa għadha ma mmaterjalizzatx. L-ideat ivarjaw minn linja qasira li tgħaqqad il-kapitali ma’ Tas-Sliema u San Ġiljan sa qafas nazzjonali b’Għawdex b’kollox permezz tal-mina ippjanata li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer. S’issa pjanijiet bħal dawn għadhom biss fantasija. Mit-ton tal-kummenti reċenti magħmula mill-ministru tat-trasport, jidher li ma tantx hemm ħajra għal proġett bħal dan għax skont l-istudji li saru m’għandniex popolazzjoni kbira biżżejjed biex s-servizz ikun finanzjarjament vijabbli bl-eċċezzjoni tar-rotta qasira bejn San Ġiljan u l-Gżira. Bil-finanzi tal-pajjiż taħt pressjoni minħabba l-ispiża finanzjarja kbira tal-miżuri Covid-19, konsiderazzjoni bħal din żgur se jkollha iktar piż.

Min-naħa l-oħra, hemm prezz ukoll jekk ma jsir xejn. Hemm biżżejjed evidenza li jekk it-traffiku jibqa’ jiżdied bir-rata attwali jibda jolqot l-ekonomija fil-laħam il-ħaj. Ħaddiema li jaslu tard għax-xogħol u dewmien fit-trasport tal-materja prima, prodotti u servizzi jagħmlu ħsara lill-produttività u jagħmlu lil Malta inqas attraenti għall-investituri.

Għalhekk x’inhi t-triq ’il quddiem? Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jsir studju biex ikun stabbiliti r-rotot l-aktar popolari li jintużaw biex ħaddiema li joqgħodu f’zoni partikolari imorru għax-xogħol. Dan iservi ta’ bażi biex isiru ċentri reġjonali ta’ park-and-ride li jaqdu l-ħtiġijiet tax-xogħol ta’ dawk il-ħaddiema. B’din is-sistema wieħed isuq biss sa din il-faċilità u wara li jkompli permezz tax-shuttle buses sax-xogħol. Is-suċċess tas-sistema jkun jiddependi minn kemm din twassal għal tnaqqis fit-traffiku b’tali mod li dawn ix-shuttle buses ma jeħlux fit-traffiku. Biex dan iseħħ jistgħu jew jingħataw ċertu inċentivi lis-sewwieqa jew tittieħed azzjoni iktar drastika billi jkun projbit l-użu ta’ vetturi privati f’ċertu rotot fl-iktar ħinijiet traffikużi. Tkun xi tkun l-istrateġija, l-awtoritajiet għandhom serjament jikkunsidraw li jistudjaw sistema bħal din. Fl-aħħar mill-aħħar jekk ma jsir xejn iċ-ċirkostanzi se jwasslu biex ċertu deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu xorta waħda u jaf ikunu agħar.