Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed isejjaħ għal kooperazzjoni akbar f’investigazzjonijiet konġunti bejn pajjiżi tal-UE permezz tal-Europol f’każi serji li jinvolvu ġurnalisti u informaturi li għandhom rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, frodi, u tmexxija ħażina kemm fis-settur pubbliku u dak privat.

L-appell sar f’opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tissaħħaħ il-Europol. L-opinjoni ġiet ippreżentata mill-Prof. Philip Von Brockdorff – ir-rappreżentant tal-UĦM Voice of the Workers f’din l-istituzzjoni. Il-Kumitat huwa korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti tal-imsieħba soċjali mill-Istati Membri kollha.

L-Europol hija l-aġenzija tal-UE tal-infurzar tal-liġi ibbażata f’The Hague fl-Olanda u tgħin lis-27 Stat Membru tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità fuq l-internet u forom oħra serji u ta’ kriminalità organizzata. Taħdem ukoll ma’                                      pajjiżi barra l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Taħt il-proposta tal-Kummissjoni, l-allokazzjoni għall-Europol bejn l-2021 u l-2027 se tiżdied b’€180 miljun filwaqt li se jinħolqu 160 pożizzjoni ġdida biex issaħħaħ l-operat tagħha. Barra minn hekk, qed jiġi propost ukoll li tinħoloq twissija ġdida fis-Sistema tal- Informazzjoni tax-Schengen billi fil-preżent il-Europol ma tistax tipprovdi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri b’informazzjoni f’ħin reali minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali dwar persuni li kienu suspettati jew ikkundannati għal reati kriminali u terroristiċi.

Kwistjoni ewlenija indikata f’din l-opinjoni hija l-fatt li x-xogħol tal-Europol għadu jiddependi ħafna fuq l-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-Istati Membri u l-informazzjoni miġbura mill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Għal dan il-għan, il-KESE qed jipproponi li jsir rapport indipendenti tal-effettività tal-Europol possibbilment minn membri rtirati tal-ġudikatura u l-korp tal-pulizija. Dan l-eżerċizzju jeżamina kif il-prattiki nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-ġbir tal-informazzjoni jaffettwaw l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Europol, u kif imbagħad dan jaffettwa l-attività nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Dan il-proċess għandu jinkludi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati, speċjalment dawk il-gruppi u individwi li ħajjithom tista’ tiġi affettwata ħażin mill-infurzar tal-liġi.

Fil-pożizzjoni tiegħu l-KESE innota li t-tisħiħ tal-mandat tal-Europol huwa pass fid-direzzjoni t-tajba peress li livell ogħla ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Madankollu, fid-dawl tal-ambjent dejjem aktar globalizzat il-Kumitat qed jistaqsi jekk il-Europol għandux jingħata l-awtorità li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess. “Il-Europol għandu jkollha d-dritt li tibda investigazzjonijiet u teżegwixxi b’mod proattiv attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi fl-Istati Membri?”  il-Kumitat qed jistaqsi. Filwaqt li fil-preżent dan huwa pprojbit, l-iżviluppi fl-attività kriminali jeħtieġu dibattitu dwar jekk investigazzjonijiet kriminali fuq skala wiesgħa għandhomx jinbdew fuq inizjattiva tal-Europol.

Fl-isfond tal-fatt li l-kriminalità organizzata saret fenomenu globali li jinvolvi attivitajiet f’diversi pajjiżi, ma jagħmilx sens li kull pajjiż jaħdem għal rasu. L-Istati Membri għandhom għall-inqas jaħdmu flimkien u jkollhom istituzzjoni jew aġenzija ċentrali ta koordinament li taġixxi bħala xprun wara l-investigazzjonijiet. Bl-istess mod kif l-UE tadotta mudell ċentralizzat dwar kwistjonijiet bankarji permezz tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jkun hemm ukoll tip ta’ regolatur fil-livell tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.