Nhar it-Tnejn se niċċelebraw il-festa sabiħa tal-Milied – żmien li miegħu mhux biss iġib il-ferħ imma wkoll atti ta’ solidarjeta’ li huma tipiċi tas-soċjeta’ Maltija. 

Il-Milied hu żmien fejn nirriflettu dwar il-qagħda tal-proxxmu. Jekk il-Milied jiġi u jitlaq, u l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu ma tikbirx, allura jkun għalxejn. Kulħadd jixtieq jgħix l-ispirtu veru tal-Milied, iżda l-mistoqsija li rridu nistaqsu hi jekk aħniex qed ngħixu dan l-impenn  b’mod kostanti u f’kull ċirkostanza. 

It-twelid ta’ Ġesu’ Bambin mhux  biss hi storja li smajna meta konna tfal jew  inkella rakkont  li nisimgħu kull sena, imma storja li tibqa’ isseħħ madwarna lkoll. Hi ġrajja ta’ tama u fidi dwar familja li, fi żminijiet diffiċli, fittxet il-kenn u stinkat sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tagħha. 

Matul is-snin, rajna din l-istorja tirrepeti ruħha f’diversi modi. Rajna u smajna b’familji madwar id-dinja u f’pajjiżna jiġġieldu l-faqar u l-inġustizzji. Oħrajn li tilfu l-impjieg  tagħhom, u minkejja li  ppersistew u għadhom qed jistinkaw, għadhom ma sabux ix-xogħol. Sadattant huma u l-familji tagħhom jibqgħu jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja. Persuni oħrajn qed iħabbtu wiċċhom mal-mard jew inkella waqgħu għal xi vizzju. 

Voice of the Workers jemmen li l-isbaħ xewqat li għandna nagħtu lil dawn in-nies hu d-determinazzjoni tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli sabiex isibu l-għajnuna meħtieġa u li s-sena d-dieħla tkun aħjar għalihom u l-familji tagħhom. 

Is-solidarjeta’ trid tkun dejjem u kullimkien filwaqt li l-imħabba tabilħaqq tilħaq lil kulħadd bl-azzjoni u mhux bil-kliem. Bl-iċken mod tagħna, ejja nistaqsu lilna nfusna: x’qed nagħmlu biex nilqgħu lil xulxin, sabiex ngħixu f’soċjeta’ u f’dinja fejn tħeġġeġ it-tolleranza, is-solidarjeta’, il-ħniena ta’ veru u l-paċi? 

Il-Milied it-Tajjeb!