Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) qed jisħaq dwar l-importanza li ċ-ċittadini Ewropej, fosthom il-Maltin, ikunu aktar inċentivati biex jibdew ifaddlu tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. 

Dr. Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant ta’  UĦM Voice of the Workers fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) f’intervista ma’ Voice of the Workers, tkellem dwar l-impenn tiegħu fit-tfassil, it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ opinjoni għall-Kummissjoni Ewropea dwar il-PanEuropean Personal Pension  Products (PEPPs).  

Dawn huma prodotti, jew Pensjonijiet tat-Tielet Pilastru, li jistgħu jkunu disponibbli madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Fi kliem sempliċi, dawn huma pensjonijiet privati imma jkunu taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt hemm qafas  ta’ liġi li jirregola dawn it-tip ta’ prodotti sabiex wieħed ikollu assigurazzjoni.  

Dr. von Brockdorff spjega li jekk ikun hemm persuna taħdem f’Malta, li imbagħad tiddeċiedi li tmur taħdem il-Ġermanja, tista’ iġġorr magħha d-drittijiet ta’ dawn il-pensjonijiet privati. Allura hemm ċertu vantaġġi, fosthom, il-qafas regolatorju bi drittijiet li jkunu rikonoxxuti fost l-istati membri fl-Unjoni Ewropea. 

Mitlub ifisser il-punti saljenti li joħorġu minn din  l-opinjoni, Dr. von Brockdorff stqarr li hemm ukoll sorveljanza mill-aġenzija tal-UE li tħares l-operat ta’ dawn il-prodotti. “Imma l-kwistjoni dejjem tibqa’ dwar kemm għandna ħaddiema li jistgħu jifilħu għal dawn it-tip ta’  pensjonijiet privati”, sostna Dr. von Brockdorff. Hu qal li l-maġġoranza tal-ħaddiema fl-UE għadha tiddependi fuq il-pensjonijiet tal-istat filwaqt li hu stmat li huma biss 27 fil-mija biss minn 243 miljun ċittadin Ewropew, fl-eta’ ta’ bejn  il-25  u d-59 sena, li bħalissa qed ifaddlu għal  pensjoni.  

Dr. von Brockdorff qal li l-mistoqsija tiġi waħidha, jiġifieri, kemm effettivament se jkollna individwi fost il-ħaddiema li lesti jipparteċipaw f’din l-iskema? “Fl-opinjoni tiegħi, din l-iskema għandha vantaġġi aktar għal min hu self-employed kif ukoll għal professjonisti bħal speċjalisti fis-saħħa u inġiniera li  jaħdmu  minn pajjiż għal ieħor”, fisser Dr. von Brockdorff filwaqt li żied li “għall-maġġoranza kbira tal-ħaddiema se jkun diffiċli ħafna għalihom biex jieħdu sehem f’tali skema”. 

Hu kompla li  l-argument jibqa’ dejjem li apparti l-pensjonijiet tat-tielet pilastru, ikun importanti li jissaħħaħ il-qafas legali tal-pensjonijiet tax-xogħol. “Dawn huma aktar affordabbli għall-ħaddiema peress li parti mill-kontribuzzjoni titħallas minn min  iħaddem….allura jagħmel iżjed sens għall-ħaddiema li jistrieħu fuq pensjonijiet tax-xogħol”, sostna Dr. von Brockdorff. 

Konsegwentament, dan ukoll ifisser li l-Kummissjoni Ewropea trid tagħti daqstant importanza lill-pensjonijiet tax-xogħol daqs kemm se tagħti lill-pensjonijiet tat-tielet pilastru.