L-Unjoni Ewropea tista’ tipproteġi lilha nnifisha aħjar kontra  importazzjonijiet inġusti u rħas u tiġġieled id-dumping ambjentali u soċjali bl-aktar mod effettiv, taħt abbozz ġdid. 

Tariffi iżjed għoljin jistgħu jiġu imposti fuq importazzjonijiet sussidjati sabiex l-impjiegi u n-negozji tal-UE ikunu  protetti aħjar, taħt ftehim informali li sar mit-tim ta’ negozjaturi tal-Parlament Ewropew u l-ministri tal-UE fi Brussell nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru 2017. 

Il-miżuri maqbula jolqtu prattiċi tal-kummerċ inġusti minn pajjiżi li mhumiex fl-UE u jikkumplimentaw r-regolamenti kontra d-dumping li ġew approvati dan l-aħħar u li jiffokaw fuq terzi pajjiżi li jinterferixxu ħafna fl-ekonomija. 

Fin-negozjati, l-Ewro Parlamentari assiguraw li: 

  • l-UE hi kapaċi tispeċifika tariffi iżjed għoljin fuq importazzjojijiet sussidjati; 
  • l-investigazzjonijiet fuq każijiet ta’ anti-dumping ikunu sinifikament qosra; 
  • l-ispejjeż għall-industrija tal-UE, li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali u ambjentali, għandhom jiġu riflessi fl-analiżi tad-dmirijiet; 
  • help-desk tal-SMEs għandu jitratta ilmenti u proċeduri investigattivi; it-trade unions ikunu involuti fl-investigazzjonijiet u jistudjaw id-dmirijiet tal-ġejjieni; 
  • il-prodotti kollha li  jaslu fl-UE, bejn investigazzjoni li tkun notifikata u l-bidu attwali tagħha, ikunu monitorjati bl-aktar mod serju u reġistrati biex il-ħażna  tkun evitata; 
  • blat kontinentali u zoni ekonomiċi esklussivi (zoni marittimi, l-aktar użati għall-produzzjoni tal-enerġija) għandhom ikunu koperti bil-liġi sabiex id-diskrepanzi jingħalqu. 

Bernd Lange, iċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali, qal li “wasal iż-żmien li jinstab ftehim dwar dan ir-rapport. Bħala parlament, diġa’ inkiseb ħafna. Bil-fehim dwar il-blata kontinentali, se nagħlqu diskrepanza importanti fil-leġislazzjoni tagħna…..”. 

Christofer Fjellner, ir-rapporteur tal-Parlament, qal li “wara erba’ snin ta’ negozjati, irnexxielna nilħqu ftehim. Strumenti fid-difiża tal-kummerċ huma probabbilment l-aktar parti kontroversjali ta’ politika kummerċjali…..”. 

Il-passi li jmiss 

Il-ftehim irid ikun approvat mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-Plenarja sħiħa flimkien mal-istati membri, qabel ma jidħol fis-seħħ.