Il-ħatra ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew hi bla dubju l- l-aktar waħda prestiġjuża għal Malta sa mis-sħubija fl-UE fl-2004. Ix-xeni li rajna fi Strasburgu iwaqqgħu għal kollox l-argument li kien saru qabel is-sħubija li bħala l-iżgħar nazzjon inkunu makku jgħum qalb il-ħut il-kbir. Għoxrin sena wara Malta tista’ tħares lura b’sodisfazzjon għax matulhom mexxiet b’suċċess il-Presidenza tal-UE fl-2017, u issa hemm Maltija fit-tmun ta’ waħda mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin. Dan żgur huwa xhieda li Malta tinsab fuq l-istess livell ma’ stati membri oħra.

L-elezzjoni ta’ Metsola twassal ukoll messaġġ qawwi ħafna dwar il-meritokrazija. Tul il-vjaġġ politiku tagħha imxiet ’il quddiem u pperseverat mingħajr għajnuna u laħqet il-miri bil-ħila tagħha biss u xejn iktar. Ma kien hemm l-ebda kwoti u lanqas toroq faċli b’xi co-option, la fuq livell ta’ partit, la fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u lanqas meta ġiet eletta President tal-PE. Is-suċċess tagħha huwa saħansitra aktar sinifikanti fil-kuntest li hija omm ta’ erbat itfal. Il-vjaġġ politiku ta’ Metsola juri li meta jkun hemm rieda soda il-miri jistgħu jintlaħqu, mingħajr ma tiġi kompromessa l-integrità personali jew li ix ħadd jagħlaq għajnejh għall-għemil ħażin ta’ madwaru. Sa ftit żmien ilu, dik li llum hi l-President tal-PE kienet qed tiġi disprezzata minn xi politiċi Maltin talli ħadet pożizzjoni kontra l-korruzzjoni u  tkellmet kontra t-theddida serja għas-saltna tad-dritt f’Malta. Jista’ jkun li waħda mill-aktar xeni li tibqa’ mfakkar fil-karriera politika tagħha kienet meta rrifjutat li tieħu b’id il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat. Filwaqt li dak l-aġir kien wassal għal reazzjoni qawwija kontriha u kienet qalgħet kull xorta ta’ aġġettiv, fl-aħħar mill-aħħar dan ma fixkilha xejn milli tirbaħ l-appoġġ tal-MPE, anke dawk li ġejjin mill-grupp politiku  li fih hemm il-Partit Laburista. Tabilħaqq, minn perspettiva politika l-aktar mument ta’ trijonf, kien meta ġiet milqugħa mis-suċċessur ta’ Muscat, Robert Abela, li appoġġja n-nomina tagħha mingħajr riżervi. F’termini politiċi, Metsola rebħet il-battalja politika tagħha għax ġabet lir-rivali politiċi tagħhom fejn riedet hi.

Il-ħatra tagħha tagħmel ukoll ġustizzja storika mal-Partit Nazzjonalista, li dejjem emmen li post Malta kien fl-UE, iżda li ironikament qatt ma rebaħ elezzjoni Ewropea. Aktar importanti minn hekk, madankollu, Malta fl-aħħar qed tissemma’ għar-raġunijiet it-tajba. Sfortunatament, pajjiżna dan l-aħħar sar sinonimu ma’ każi ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus, kontrolli laxki u impunità. Dan huwa r-riżultat tal-Panama Papers, is-saga tal-Bank Pilatus, il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u l-fatt li pajjiżna tpoġġa fil-lista l-griża ma’ pajjiżi bħall-Panama, is-Senegal u l-Uganda. Huwa għalhekk li l-ħatra ta’ Metsola kienet dikjarazzjoni fiha nfisha – dikjarazzjoni f’isem iċ-ċittadini onesti Maltin li fl-aħħar snin tpoġġew taħt dell minħabba klikka rgħiba li l-unika road map tagħha kienet li jimlew bwiethom akkost ta’ kollox.

Fl-aħħar nett, wieħed ma jistax ma jaħsibx x’kien jiġri li kieku Metsola ħadet sehem fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN fl-2020 fejn aktarx kienet tkun fuq quddiem. Bla dubju, kienet tkun it-telfa ta’ Malta fl-UE. Iż-żmien jgħid jekk dan kienx a skapitu tal-PN jew le. Żgur li l-involviment potenzjali tagħha mill-ġdid fil-politika Maltija mhux se jseħħ qabel l-2024 meta jintemm il-mandat tagħha bħala President tal-PE. Ħaġa waħda hija ċerta, madankollu… Is-suċċess ta’ Metsola għandu jservi ta’ eżempju ħaj ta’ tama biex ħadd ma jaqta’ qalbu fil-ġlieda għall-ġustizzja u l-verità quddiem minkejja l-ostakli li jkun hemm.