Ġenituri li ħadu l-booster u li jkunu qed jieħdu ħsieb it-tfal li qed jagħmlu 14-il ġurnata kwarantina, għandhom jingħataw eżenzjoni mil-liġi biex ikunu jistgħu jibqgħu id-dar magħhom matul il-perijodu kollu, u mhux ikollhom jieħdu l-leave minn tagħhom kif qed jiġri bħalissa. Jekk dan mhux se jsir, ġenituri li jkunu ħadu il-booster se jitħallew fi żvantaġġ ma’ dawk li ma ħadux it-tielet tilqima. Dan għaliex taħt il-liġi preżenti min ikun ħa l-booster ikun obbligat imur lura għax-xogħol qabel 14-il ġurnata, b’riżultat li ma jkollhomx ma min iħallu t-tfal li jkunu għadhom taħt kwarantina.

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv Josef Vella f’intervista li saritlu minn Voice of the Workers Weekly li matulha tkellem fuq l-aħħar żviluppi tal-pandemija tal-Covid-19 u kif din qed tolqot il-ħaddiema.

Fil-kummenti tiegħu il-Kap Eżekuttiv tkellem ukoll dwar ċerti nuqqasijiet tal-liġijiet preżenti li qed jagħtu lok għal konfuzjoni u xi drabi ċirkostanzi li fihom il-ħaddiema qed jintlaqtu ħażin. Dawn jinkludu deċiżjonijiet ta’ ċertu postijiet tax-xogħol bħal ma hu l-PBS li obbliga l-ħaddiema jieħdu l-booster minkejja li m’hemmx dan l-obbligu fil-liġi. Fl-istess ħin mhux ġust li l-ħaddiema li ma ħadux il-booster jidħlu fi spiża biex joqogħdu jagħmlu PCR tests kull ġimgħa, meta l-liġi ma tgħid xejn dwar dan.

Ara l-intervista kollha hawn taħt: