Prodotti aktar sikuri: jiżdiedu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet biex il-konsumaturi jkunu protetti
Regoli biex jassiguraw verifiki aħjar u s-sigurta’ tal-oġġetti mibjugħa fl-UE kienu approvati mill-Kumitat tas-Suq Intern dan l-aħħar.
Il-Pakkett tal-Oġġetti jkopri żewġ proposti leġislattivi: waħda dwar il-konformita’ u l-infurzar u l-oħra dwar ir-rikonoxximent konġunt. Flimkien dawn jimmiraw li jsaħħu l-kontrolli li jsiru minn awtoritajiet nazzjonali u mill-uffiċjali tad-dwana biex jipprevjenu prodotti li mhumiex tajbin milli jinbiegħu lil konsumaturi Ewropej kif ukoll biex jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji, speċjalment, l-SMEs, biex ibiegħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa. Dawn il-miżuri wkoll għandhom jipprevjenu negozjanti diżonesti milli jiksbu vantaġġ kompetittiv inġust fuq kumpaniji li jirrispettaw ir-regoli.
Prodotti mhux tajbn u li mhumiex konformi għadhom jiċċirkolaw fis-suq Ewropew. Spezzjonijiet konġunti mill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq wrew li 32 fil-mija tal-ġugarelli, 58 fil-mija ta’ apparat elettroniku, 47 fil-mija ta’ prodotti tal-kostruzzjoni u 40 fil-mija ta’ tagħmir protettiv personali spezzjonat ma jilħqux il-kriterji tas-sigurta’ jew tagħrif tal-konsumatur (bħal tikketti jew twissijiet) kif hemm stabbilit fil-liġijiet Ewropej.
It-tisħiħ tal-koperazzjoni biex ikunu identifikati prodotti difettużi
Hemm aktar minn 500 awtorita’ differenti responsabbli mis-sorveljanza fis-suq fl-istati membri tal-UE. Ir-regolamentazzjoni proposta dwar il-konformita’ u l-infurzar tipprovdilhom koperazzjoni u koordinazzjoni aħjar, ibbażati fuq aktar skambju ta’ informazzjoni dwar prodotti difettużi u investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta’ qafas Ewropew, fejn il-Membri Parlamentari Ewropej jagħtu dmirijiet u poteri ġodda. Is-sorveljanza tas-suq, inkluż tal-prodotti mibjugħin fuq l-internet, u l-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali biex jinvestigaw u jinforzaw ir-regoli wkoll huma msaħħa u ċċarati fl-emendi tal-Membri Parlamentari Ewropej.
Il-Kumitat tas-Suq Intern irid metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tar-riskji u kundizzjonijiet uniformi għall-kontrolli dwar kategoriji speċifiċi ta’ prodotti. Il-provvedimenti dwar ftehim ta’ sħubija kienu mneħħija mill-proposta sabiex ikunu evitati konflitti ta’ interess bejn awtoritajiet pubbliċi u operaturi ekonomiċi.