Fix-xhur li ġejjin, Servizzi Ewropej f’Malta se jkun qed jorganizza diskussjonijiet pubbliċi dwar numru ta’ suġġetti biex jikkontribwixxu għall-Konferenza mal-Ewropa kollha dwar il-Futur tal-Ewropa.

Is-suġġett għall-ewwel diskussjoni, li se ssir fis-16 ta’ Settembru bejn il-5pm u s-6.30pm, se jkun il-futur tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni se tkun online. Id-diskussjoni naturalment titlaq mil-lezzjonijiet meħuda mill-pandemija COVID-19, u tħares ’il quddiem filwaqt li tindirizza t-temi li ġejjin: il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini; il-prevenzjoni, it-trattament u l-kura li tingħata b’mod konġunt f’iktar minn pajjiż wieħed; id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa; l-infrastruttura għall-futur; it-titjib tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE f’każ ta’ theddida minn sistema li tipprovdu l-kura f’iktar minn pajjiż wieħed.

L-għan ewlieni ta’ diskussjonijiet bħal dawn hu li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u l-pubbliku biex jesprimu l-ideat tagħhom dwar id-direzzjoni li jixtiequ li tieħu l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Għal aktar informazzjoni dwar is-suġġett għad-diskussjoni u biex tirreġistra u tipparteċipa jekk jogħġbok żur il-websajt SEM hawn. Id-diskussjonijiet se jkunu bil-Malti.

Biex tagħti l-opinjonijiet tiegħek dwar kwalunkwe suġġett tal-għażla tiegħek, jekk jogħġbok żur il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.