Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li ‘mhux il-mument opportun’ li nikkunsidraw ġimgħa ta’ inqas minn 40 siegħa xogħol

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana iddikjara li wasal iż-żmien biex il-gvern jieħu “pass kuraġġuż” fir-rigward tal-proposta tal-UĦM għat-twaqqif ta’ portal ta’ kuntratti tax-xogħol online bħala mezz għall-ġlieda kontra l-prekarjat.

Caruana qal dan meta kien qed jikkummenta dwar rimarki mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella waqt business breakfast fl-okkażjoni tat-tnedija tad-Dokument ta’ Konsultazzjoni ta’ Qabel il-Baġit 2022. Vella irrimarka li l-union ilha tippromwovi t-tnedija ta’ dan il-portal mill-Baġit 2016, iżda l-proposta ma ġietx implimentata anke jekk il-Gvern ripetutament iddikjara li jaqbel ma’ tali miżura.

B’din il-proposta min iħaddem ikun marbut li jipprovdi kuntratt tax-xogħol bil-miktub lill-ħaddiema, skont diversi mudelli differenti li jkun hemm fil-portal. Mudell bħal dan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda klawsoli pprojbiti li jiksru l-liġijiet tax-xogħol filwaqt li xorta jagħti flessibbiltà lil min iħaddem bil-kundizzjoni li dak li jiġi offrut ikun legali.

Fit-tweġiba tiegħu l-ministru tal-finanzi ta x’jifhem li l-implimentazzjoni tal-proġett tal-portal tista’ ma tkunx ’il bogħod.

“Filwaqt li nifhem li min iħaddem għandu xi riżervi, nemmen li nistgħu nsibu kompromess fejn tali dispożizzjoni għandha tapplika biex niżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rati tal-ħlas ma jkunux biss konformi mal-liġi iżda biex niżguraw  ukoll dak li l-UE ssejjaħ konverġenza ’l fuq,” Caruana sostna.

Hu żied li “wasal iż-żmien li l-Gvern isib mod kif jagħmel pass kuraġġuż biex jimxi lejn dik id-direzzjoni”.

Matul id-dibattitu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM għamel ukoll xi proposti oħra li l-unjin se tkun qed tħabbar uffiċjalment fil-jiem li ġejjin għall-Baġit 2022. Vella ressaq l-idea dwar proġett pilota biex isir studju li permezz tiegħu tkun esplorati l-possibbiltà ta’ ġimgħa ta’ inqas minn 40 siegħa xogħol. Il-proposta hi bbażata fuq evidenza miksuba f’pajjiżi Skandinavi fejn irriżulta li f’ċerti kategoriji l-livelli ta’ produttività baqa’ l-istess minkejja li impjegati ħadmu inqas siegħat fil-ġimgħa. Barra minn hekk, mudell bħal dan jissarraf ukoll f’miżura favur il-familja, rati ogħla ta’ salarju fis-siegħa u fl-aħħar mill-aħħar kwalità ta’ ħajja aħjar.

Madankollu, il-ministru tal-finanzi ma tantx deher entużjast fuq din il-proposta u qal li dan mhux iż-żmien opportun għal miżura bħal din għax fl-opinjoni tiegħu min iħaddem kien għadu qed jirkupra “mix-xokkijiet” ikkawżati mill-Covid-19. “Ma naħsibx li dan hu żmien tajjeb biex immorru lejn direzzjoni bħal din. Għadna ma wasalniex fi istadju tajjeb ta’ żvilupp ekonomiku. Probabbilment inkunu lesti f’numru ta’ snin meta forsi dan ikun l-istadju naturali li jmiss tal-iżvilupp ekonomiku tagħna,” qal il-ministru tal-finanzi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM sejjaħ ukoll għal sforzi aktar b’saħħithom sabiex is-sistema edukattiva tagħna taħseb għal studenti ta’ bejn it-13 u s-16-il sena li mhumiex inklinati li jieħdu rotta akkademika u qed itemmu l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr kwalifiki u bl-ebda possibbiltà li jidħlu f’istituzzjonijiet bħall-MCAST. Vella qal li hu importanti li dawn l-istudenti jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw ħiliet vokazzjonali li huma mfittxija ħafna fl-industrija tal-manifattura u s-servizzi.

L-Assistent Direttur tal-UĦM Mario Sacco tkellem dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-impjegati li jaħdmu ma’kuntrattur fis-settur tal-gvern permezz ta’ ftehim ta’ outsourcing, jibbenefikaw mhux biss mill-istess kundizzjonijiet ta’ impjieg fil-bidu nett iżda jkunu eliġibbli wkoll għall-istess żidiet u opportunitajiet ta’ avvanz bħall-impjegati tal-gvern li jaħdmu fl-istess post tax-xogħol.