Niżżel l-aħħar kalkulatur ta’ ĠEMMA – eħles mid-dejn – billi tagħfas hawn.

Jekk għandek ħafna djun – aktar minn karta ta’ kreditu waħda, self fuq id-dar, self għall-karozza – qatt staqsejt xi strateġija għandek tadotta biex tħallas id-dejn tiegħek? Aktar kmieni din is-sena ĠEMMA tellgħet serje ta’ artikli fuq id-dejn. Dawn kienu jinkludu suġġerimenti biex tnaqqas l-ispiża tad-dejn tal-karti ta’ kreditu tiegħek, kif tagħmel l-aħjar użu minn overdraft, tpoġġi d-dejn tiegħek taħt kontroll u kif tħallsu. Dan l-artiklu jippreżentalek kalkulatur li jgħinek tikkalkula kif tħallas u b’hekk teħles mid-dejn.

Il-kalkulatur għandu erba’ sezzjonijiet. L-ewwel taqsima tippermettilek li ddaħħal id-debituri tiegħek, l-ammont li għandek tagħti, il-ħlas ta’ kull xahar, il-klassifikazzjoni tiegħek ta’ kif tħallas id-dejn, u l-imgħax li tħallas.

It-tieni taqsima tippermettilek iddaħħal il-pagament ta’ kull xahar jiġifieri l-flus li trid twarrab biex tħallas id-dejn tiegħek – inkluż kwalunkwe pagament addizzjonali li tista’ tkun tixtieq iżżid sabiex taqta’ d-dejn tiegħek qabel.

It-tielet taqsima tippermettilek tagħżel l-istrateġija tiegħek għall-ħlas tad-dejn. Tagħmel dan billi tagħżel l-istrateġija li trid tadotta kif muri hawn taħt. Għandek numru ta’ għażliet biex tagħżel minnhom. Dan jinkludi l-klassifikazzjoni li kont issettjajt f’taqsima numru wieħed (klijent) u tista’ tikkategorizza l-ħlas bl-ogħla u l-inqas ammonti. It-tielet għażla hija l-ħlas magħmul sempliċiment bl-ordni li daħħalt id-djun fil-kalkulatur.

Iż-żewġ strateġiji l-oħra – Snowball u Avalanche – jirreferu għal strateġiji kontra dejn diskussi f’artiklu preċedenti. Biex taġġorna:

Snowball: B’dan il-metodu tħallas id-dejn tiegħek billi tibda bl-iżgħar dejn. Dan il-metodu jaħdem tajjeb jekk ikollok bżonn tibqa’ motivat biex tkompli tiġġieled kontra d-dejn.  Kif jaħdem:

  • Agħmel lista tad-dejn tiegħek skont il-bilanċ pendenti u ibda bl-iżgħar.
  • Imbagħad alloka fondi biex tħallas il-minimu dovut fuq kull kont.4
  • Għall-iżgħar kont, ara kemm tista’ żżid mal-pagament minimu sabiex teliminah malajr kemm jista’ jkun. Ladarba dak id-dejn jitħallas (tinsiex tagħlqu mal-kredituri tiegħek) tista’ timxi għad-dejn li jmiss.

Avalanche:     Dan il-metodu jiffoka fuq il-ħlas tad-dejn bl-ogħla imgħax l-ewwel. Dan il-metodu huwa l-aktar mod li bih tiffranka, effiċjenti u veloċi biex toħroġ mid-dejn iżda teħtieġ ħafna aktar dixxiplina.  Kif jaħdem:

  • Agħmel lista tad-dejn tiegħek skont il-bilanċ pendenti mill-ogħla imgħax għall-aktar ħlas baxx.
  • Alloka fondi biex tħallas il-minimu dovut fuq kull kont.
  • Alloka flus żejda disponibbli fil-kont bl-ogħla rata ta’ imgħax u kompli itfa’ fih sakemm jitħallas. Ftakar li l-imgħax jiġi impost fuq il-bilanċ pendenti tiegħek u jekk tħallas il-bilanċ tiegħek qabel, tkun tnaqqas l-ammont ta’ imgħax li tħallas.

Ir-raba’ taqsima tikkalkula l-pjan ta’ ħlas lura tad-dejn tiegħek bl-imgħax li għandu jitħallas, xhur li jridu jitħallsu, u meta jitħallas kull dejn rispettiv. Fl-eżempju ta’ hawn taħt, intgħażlet l-istrateġija tal-avalanche.