Is-sena li għaddiet Ambjent Malta ħawlet madwar 22,000 ‘siġra’ bħala parti mill-ħidma tagħha ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni madwar il-Gżejjer Maltin. L-aħħar inizjattiva kienet tinkludi madwar 1,000 siġra indiġena fl-Aħrax tal-Mellieħa u 500 oħra fil-Park tal-Majjistral. Proġetti bħal dawn, madankollu, jistgħu jisfumaw fix-xejn, sakemm ma jkunx hemm impenn serju fit-tul mill-Gvern. Ħafna drabi, proġetti bħal dawn, ikunu biss media stunt, maħsuba biex jimpressjonaw lill-pubbliku bil-kredenzjali ambjentali tal-Gvern permezz ta’ ċifri spettakolari.

Żjara f’dawn is-siti ta’ afforestazzjoni ftit xhur biss wara t-tħawwil ta’ dan is-siġar tagħti stampa kompletament differenti. L-ewwel nett dawn ma jkunu siġar xejn għax fir-realtà jkunu għadhom pjanti żgħar. Għalkemm l-ebda proġett ta’ afforestazzjoni ma għandu rata ta’ suċċess ta’ mija fil-mija, iċ-ċifra finali tista’ tkun viċin iż-żero jekk dawn ‘is-siġar’ jitħallew abbandunati bi ftit jew xejn tisqija u l-ebda superviżjoni kontra s-serq u l-vandaliżmu daqs li kieku tħawlu fil-baħħ. Barra minn hekk, inutli li l-Gvern jimmira għoli ħafna jekk ma jkunx hemm riżorsi adegwati inkluż il-ħaddiema meħtieġa.

Minkejja dawn l-intoppi u l-limitazzjonijiet, kien hemm xi stejjer ta’ suċċess. Sas-sittinijiet iz-zona magħrufa bħala Il-Miżieb, li llum hija waħda mill-ftit imsaġar fil-gżira, ma kienet xejn għajr xagħri. Bl-istess mod, iz-zona taħt it-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa li kienet proġett ta’afforestazzjoni li beda madwar 20 sena ilu.

Sadanittant, il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex jieħu sehem f’konsultazzjoni rigward pjanijiet biex ikun hemm siti ta’ rikreazzjoni għall-ikkampjar u l-karavans. Minħabba l-ammont limitat ta’ spazji miftuħa disponibbli, huwa kruċjali li pjan bħal dan ikun tassew ambjentalment sostenibbli. L-aħħar ħaġa li jeħtieġ dan il-pajjiż huwa aktar żvilupp f’art verġni jew inċentivi biex dan iseħħ bil-paraventu ta’ xi policy partikolari.

Qabel ma jitwettaq pjan bħal dan hemm bżonn li jkun hemm infrastruttura xierqa biex jitħares dak li baqa’ mill-kampanja Maltija. Huwa biss meta jkun hemm numru adegwat ta’ uffiċjali għall-infurzar megħjuna minn persuni kwalifikati, li l-biodiversità ta’ Malta jista’ jkollha ċans reali li tiffjorixxi. Ejja ma jsirx l-iżball li  npoġġu l-karettun qabel iż-żiemel b’riskju li tintilef aktar art taħt l-iskuża ta’ zoni ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku.