Abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern jista’ joħloq “preċedent perikoluż” peress li jkun ifisser li d-drittijiet u l-libertajiet tagħna ma jibqgħux garantiti mill-Kostituzzjoni iżda jiddependu fuq il-preferenzi u l-gosti tal-politiċi tal-ġurnata.

L-eks Kummissarju Ewropew u espert tad-drittijiet tal-bniedem Tonio Borg għamel din it-twissija meta mistoqsi minn Voice of the Workers Weekly dwar din il-proposta kontroversjali, magħrufa bħala Abbozz ta’ Liġi 198, li jemenda l-Att ta’ Interpretazzjoni.

“Dan huwa preċedent perikoluż. Kieku dan kellu jitħalla, il-Gvern tal-ġurnata jista’ jibdel it-tifsira ta’ termini fil-Kostituzzjoni bħall-kelma “persuna” biex teskludi barranin jew it-tarbija fil-ġuf biex insemmi biss żewġ eżempji. Dan jagħmilha possibbli li b’daqqa ta’ pinna l-iswed tgħidlu abjad u l-abjad tgħidlu iswed,” Dr Borg sostna.

Il-kwistjoni tmur lura għall-2016 meta l-qorti iddeċidiet favur il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà kontra d-direttur għall-kompetizzjoni, u qalet li l-impożizzjoni ta’ multi kbar kienet kwistjoni ta’ natura kriminali u, għalhekk tista’ tkun imposta biss minn qorti xierqa. Din is-sentenza ġiet imtennija fl-2018 f’każ li l-Partit Nazzjonalista kien fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali. Dan wassal għas-sitwazzjoni ta’ diversi regolaturi, bħall-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, li ma jistgħux jinfurzaw id-deċiżjonijiet tagħhom stess, biex ma jiksrux il-Kostituzzjoni.

Iffaċċjat minn kritika li r-regolaturi ma kienux qed jiffunzjonaw għax ma setgħux jinforzaw il-r-regolamenti, il-Gvern ipprova jibdel il-Kostituzzjoni permezz ta’ maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi. Dan bl-iskop li l-entitajiet pubbliċi jkunu jistgħu jimponu multi amministrattivi qawwija li jammontaw għal mijiet ta’  eluf. Meta dan  l-attentat falla,  il-Gvern ipprova jgħaddi mit-tieqa, permezz tal-Abbozz ta’ Liġi 198 li jipproponi li jemenda l-Att ta’ Interpretazzjoni sabiex jibdel it-tifsira tat-termini fil-Kostituzzjoni.

Dr Borg wissa li dan l-abbozz ta’ liġi kien perikoluż ħafna peress li pprova jbiddel il-Kostituzzjoni permezz ta’ liġi ordinarja, u b’hekk jevita salvagwardja kruċjali – il-maġġoranza parlamentari ta’ żewġ terzi – maħsuba biex tipproteġi l-liġi suprema ta’ Malta milli tiġi abbużata mill-Gvern. Dan il-preċedent jista’ jintuża biex jinbidlu definizzjonijiet importanti li jaffettwaw id-dritt għall-ħajja jew billi jiġu esklużi barranin u refuġjati mit-tifsira tal-kelma “persuna”.

Minbarra Dr Borg, esperti legali oħra talbu lill-Gvern biex jirtira dan l-abbozz li jista’ jpoġġi lil Malta fl-inkwiet mal-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta’ Venezja) u l-Unjoni Ewropea. Huma wissew li abbozz bħal dan jista’ jwassal biex Brussell tieħu għal passi ferm aktar serji kontra Malta minn dawk meħuda kontra l-Polonja u l-Ungerija minħabba l-indħil tagħhom fil-ġudikatura.