Il-MPE staqsew lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini dwar l-aħħar żviluppi dwar l-awtorizzazzjoni u x-xiri tal-vaċċini COVID-19. Emer Cooke, Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) aġġorna lill-Membri tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) dwar l-aħħar żviluppi rigward l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-vaċċini COVID-19 fl-UE.

Matul id-dibattitu, il-MPE staqsew dwar il-qafas ta’ żmien biex ikunu approvati l-vaċċini fil-futur, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-effikaċja fit-tul tal-vaċċini eżistenti, kif ukoll l-investigazzjoni reċenti marbuta mal-vaċċin AstraZeneca. Il-MPE esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li fl-istati membri t-tilqima qed tingħata bil-mod wisq,  dwar l-approvazzjoni ta’ siti ġodda fl-UE fejn issir it-tilqima u l-użu bl-aħjar mod tad-dożi tal-vaċċin.

Fit-tweġibiet tagħha, Emer Cooke assigurat lill-MPE li l-UE għandha sistema ta’ kontroll kontinwu biex tiżgura li t-tilqim ikun sigur u effettiv. Hija enfasizzat l-importanza li tikkomunika b’mod trasparenti lill-pubbliku tal-UE u tibni fiduċja fil-parir xjentifiku. Tenniet ukoll l-impenn tal-EMA li tapplika l-istess standards fl-awtorizzazzjoni tal-vaċċini, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

Trasparenza tal-kuntratti

Sandra Gallina, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel (SANTE) ġiet mistoqsija mill-Membri tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit (CONT) dwar it-tmien ftehim ta’ xiri avvanzat (APA) dwar vaċċini konklużi mill-Kummissjoni ma’ kumpaniji farmaċewtiċi.

Il-MPE staqsew jekk il-kumpaniji farmaċewtiċi humiex qed iwettqu l-kuntratti, il-vantaġġi possibbli tal-liberalizzazzjoni, id-distribuzzjoni tad-dożi, vaċċini foloz disponibbli fis-suq, u li jkun hemm trasparenza fl-ispiża tal-vaċċini. Il-MPE qajmu wkoll il-kwistjoni kontroversjali tal-kuntratt ma’ AstraZeneca. Id-Direttur Ġenerali ikkonfermat li l-kumpanija lanqas biss tat kwart tal-vaċċini miftiehma minn qabel mal-UE. Hija impenjat ruħha wkoll li tuża l-mezzi kollha disponibbli biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.