Reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar Karċinoġeni u Mutaġeni – liġi tal-UE biex tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal sustanzi li jikkawżaw il-kanċer – ġiet approvata mill-Kunsill tal-UE bħala parti mill-ġlieda kontra l-kanċer u biex tipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema f’numru ta’ industriji. Skont il-Kummissjoni Ewropea, kull sena 52% tal-imwiet marbuta mal-postijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea huma relatati mal-kanċer.

Id-Direttiva oriġinali, adottata fl-2004 għaddiet minn erba’ emendi leġiżlattivi biex tkopri total ta’ 29 aġent kimiku prijoritarju. Skont id-direttiva riveduta, il-ħaddiema se jibbenefikaw minn protezzjoni akbar, minħabba l-iffissar ta’ limiti ta’ ċertu kimiċi. Id-direttiva tkun tinkludi wkoll sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, li għandhom effetti negattivi fuq ir-riproduzzjoni u jistgħu jikkawżaw problemi fil-fertilità jew saħansitra infertilità.

Ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jittrattaw prodotti mediċinali perikolużi se jirċievu taħriġ aħjar dwar kif jużawhom bla periklu.

L-Istati Membri issa għandhom sentejn biex jikkonformaw mal-bidliet miftiehma.