Hekk kif il-kampanja elettorali waslet fl-aħħar ftit jiem eluf ta’ ħaddiema għadhom indeċiżi dwar l-għażliet li għandhom quddiemhom.

Analiżi tal-manifesti ppreżentati miż-żewġ partiti politiċi ewlenin turi stampa pjuttost sabiħa jekk mhux idealistika. Jekk iż-żewġ partijiet iżommu kelmthom, sal-2027 l-il-prekarjat ikun spiċċa, il-familji jkollhom aktar ħin ta’ kwalità flimkien u d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu mħarsa aktar minn qatt qabel.

Iż-żewġ partijiet qed iwiegħdu tnaqqis aggressiv fit-taxxa fuq id-dħul, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-implimentazzjoni tar-right to disconnect. Impjegati fis-servizz pubbliku qed jiġu mwiegħda miżuri aħjar favur il-familja u aktar flessibbiltà filwaqt li fis-settur privat se jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u tiżdied it-trasparenza fil-pagi.

Il-UHM Voice of the Workers tappella lill-partiti politiċi ewlenin biex joqogħdu lura milli jagħmlu wegħdiet populisti jew sempliċiment biex jirbħu l-voti.

Sfortunatament, l-istorja riċenti ma tawgurax tajjeb. Fl-2017, fil-manifest tiegħu, il-Labour kien wiegħed li jpoġġi fil-prattika l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali billi jħarrax il-liġijiet u jsaħħaħ l-infurzar. Ironikament, kien il-gvern innifsu li mexa ma’ din il-wegħda permezz tal-prattika persistenti tiegħu li jdaħħal mijiet ta’ ħaddiema bis-sistema tal-kuntratturi. Ħames snin wara, hemm mijiet ta’ ħaddiema li qed jiġu diskriminati, taħt dan il-mudell li għandhom kundizzjonijiet inferjuri għall-kollegi tagħhom tal-gvern. F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jinjora s-saga tal-impjegati ta’ Steward Health Care li sal-lum għadhom qed jiġu mċaħħda mill-kundizzjonijiet li suppost kellhom igawdu minnhom mill-ewwel jum tax-xogħol tagħhom.

Agħar minn hekk il-manifest kien wiegħed li “jelimina” prekarjat, iwaqqaf iz-zero hours contracts u jirregolarizza l-kuntratti tax-xogħol permezz tat-twaqqif ta’ portal apposta. Wegħda oħra li ma twettqitx kienet li l-ġenituri jkunu jistgħu jieħdu sick leave biex jieħdu ħsieb lil uliedhom  meta dawn jimirdu. Dawn huma biss ftit mill-wegħdi li qatt ma saru realtà  u f’ċerti każi qed jiġu mtennija f’din l-elezzjoni. Din l-analiżi mhux qed issir biex nidħlu fil-mertu ta’ min hu l-aħjar partit, imma biex l-affarijiet jitpoġġew f’perspettiva oħra. Dak li jgħodd għall-Labour japplika għan-Nazzjonalisti. Madankollu, il-kejl ta’ kemm il-manifest ikun twettaq, jista’ jsir biss għall-partit rebbieħ, li fl-2017 kien il-Labour.

Il-UHM Voice of the Workers temmen li l-prinċipju l-iktar importanti biex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema ma jinsabx fil-manifesti u l-wegħdiet ta’ qabel l-elezzjoni rispettivi. L-aħjar triq ’il quddiem hija li jkollna front magħqud fejn l-element komuni jkun il-ġid tal-ħaddiema u mhux l-aġendi politiċi. Sakemm is-settur tat-trejdjunjins jibqa’ frammentat u kkaratterizzat minn battibekki, il-progress se jkun limitat. L-attitudni ta’ ifred u saltan li qed tiġi adottata minn xi wħud se sservi biss biex jinżamm l-istatus quo. Għalhekk, meta jitfgħu l-vot tagħhom, il-ħaddiema għandhom iżommu f’moħħhom li irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom, l-akbar ċans ta’ suċċess biex jintlaħqu l-miri li qed jiġu ppreżentati fil-manifesti, hi l-għaqda fil-post tax-xogħol.