Il-kampanja tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu waslet f’nofsha. Jidher li l-partiti politiċi qed jitħabtu biex jimmobilizzaw lill-partitarji tagħhom. Il-fatt li din il-kampanja waslet wara sentejn ta’ pandemija tal-Covid-19 u ħabtet mal-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna – l-akbar kunflitt militari fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija – mhux qed jgħin.

Il-kontroversji politiċi li għaddejjin fil-kampanja ma tantx jidher li qed jiġbdu l-attenzjoni tal-elettorat. Il-vera tħassib hu li dan il-kunflitt jista’ jinfirex aktar u  dwar il-kriżi umanitarja li s’issa ġiegħlet lil aktar żewġ miljun ċittadin Ukren iħallu kollox warajhom u jaħarbu minn art twelidhom, f’tentattiv li jfittxu kenn magna militari Russa. Min-naħa l-oħra, ma jkunx ġust li bl-iskuża tal-instabilità li nħolqot b’din il-gwerra li l-elettorat Malti jiċċaħħad milli jeżerċita d-dritt demokratiku tiegħu li jeleġġi gvern tal-għażla tiegħu.

Filwaqt li l-kampanja elettorali hi parti integrali ta’ kull elezzjoni, iċ-ċirkostanzi attwali jiddettaw li l-partiti politiċi jħarsu lil hinn mill-jum tal-votazzjoni fit-tfassil tal-viżjoni tagħhom, speċjalment meta jagħmlu l-wegħdiet. Li twiegħed prosperità finanzjarja meta fuq l-orizzont ikun hemm is-sħab ta’ kriżi globali fl-enerġija, l-ikel u l-materja prima huwa irresponsabbli. Qabel il-bidu tal-kunflitt, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja diġà kienet diġà ta’ tħassib. Sfortunatament, il-prezzijiet komplew jogħlew, peress li l-kunflitt fl-Ukrajna qed ikollu impatt fuq il-provvisti globali tal-qamħ, ċereali, u fertilizzant, li jfisser prezzijiet ogħla ta’ oġġetti essenzjali bħall-ħobż u għaġin. Voice of the Workers Weekly tista’ tikkonferma wkoll li l-prezz tal-għalf tal-annimali diġà żdied sew. Dan ma jawgurax tajjeb għall-prodotti tal-ħalib u l-laħam. Intant, il-prospett ta’ sanzjonijiet fuq prodotti taż-żejt u tal-gass prodotti mir-Russja diġà wassal għall-ogħla prezzijiet taż-żejt mill-2008. Fi tliet ġimgħat biss il-prezzijiet għolew minn $90 il-barmil għal $140.

Fl-aħħar mill-aħħar, hemm prezz x’jitħallas. Il-Gvern diġà qed jissussidja l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Bla dubju, it-tbassir tal-ministru tal-finanzi dwar l-ispiża ta’ miżura bħal din fuq il-kaxxa ta’ Malta qatt ma kienet taħseb għax-xenarju attwali. Għalhekk, il-mistoqsija – Kemm jista’ il-gvern ikompli jissussidja l-prezzijiet tal-fuel? Il-ministru tal-finanzi diġà wissa li l-gwerra s’issa diġà xorbot €200 miljun. Sadanittant, il-gvern jista’ jkollu wkoll jidħol għal spiża qawwija biex itaffi l-effett taż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Ma ninsewx, li dan kollu qed iseħħ fi żmien meta d-dejn tal-gvern huwa fl-ogħla livell ta’ kull żmien fi-livell ta’ €8 biljun –  żieda ta’ €3 biljun fl-aħħar sentejn biss. Dan meta bejn l-1964 u l-2019 id-dejn totali kien ta’ €5 biljuni. Barra minn hekk, il-gvern ma jistax jibqa’ jibbaża fuq id-dħul mill-iskema kontroversjali tax-xiri tal-passaporti passaport peress li kellu jissospendi l-iskema għar-Russi wara pressjoni minn Brussell.

Minkejja dan, iż-żewġ partiti politiċi qed jagħmlu wegħdiet sfrenati li jvarjaw minn tnaqqis aggressiv tat-taxxa, għotjiet finanzjarji u żieda fil-benefiċċji. Jekk il-partiti politiċi verament għandhom għal qalbhom il-futur ta’ Malta, għandhom ikunu sinċiera mal-poplu u joqogħdu lura minn miżuri li jħallu piż finanzjarju qawwi. Ħadd mhu qed jappella biex ikun hawn miżuri ta’ awsterità, iżda x-xenarju attwali jitlob prudenza finanzjarja aktar minn qatt qabel. Sfortunatament, is-sinjali s’issa huma li ż-żewġ partiti politiċi qed jittrattaw il-ħames snin li ġejjin bħallikieku Malta se tkun qed tgħix f’xi dinja għaliha maqtugħa mir-realtà. Il-fatt hu li min se jkun fil-gvern ikollu jiffaċċja leġiżlatura ta’ sfidi kbar. F’dan l-istadju kull partit politiku li jdaħħal rasu fir-ramel u jaħseb li mit-Tnejn 28 ta’ Marzu se jmur kollox għan-normal se jkun qed jidħak bih innifsu u bl-elettorat. F’dak il-każ, ir-rebħa fl-elezzjoni ġenerali tispiċċa tkun mediċina morra jekk mhux kastig.