(Ritratt: Google Maps)

Sewwieqa li ta’ spiss jgħaddu minn Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard x’aktarx jinsabu fl-ikbar riskju li jeħlu ċitazzjoni bl-ispeed camera, peress li fl-2020 din kienet l-iktar triq li fiha saret din it-tip ta’ kontravenzjoni, b’medja ta’ 21 ċitazzjoni kuljum.

Informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fl-2020 inħarġu b’kemm jiswew €1.7 miljun f’multi mill-ispeed cameras. Skont il-liġi Maltija kull min jinqabad isuq sa 15 kilometru fis-siegħa ’l fuq mil-limitu jeħel multa ta’ €34.94, filwaqt li kontravenzjoni b’veloċità akbar twassal għal multa ta’ €69.88.

Jirriżulta li l-ogħla numru ta’ multi inħarġu fi Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard fejn il-limitu ta’ veloċità huwa ta’ 50 kilometru fis-siegħa. Fl-2020, inħarġu 7,346 multa għal kontravenzjonijiet ta’ veloċità taħt il-kategorija ta’ €34.94, filwaqt li 408 multa oħra ngħataw lil sewwieqa li nqabdu jsuq b’veloċità ferm ogħla mil-limitu. B’kollox minn din it-triq biss inħarġu €285,150 f’multi. Din l-ispeed camera partikolari kienet fil-qalba tal-kontroversja fost ilmenti li l-limitu ta’ veloċità  ta’ 50 kilometru fis-siegħa hu relattivament baxx għal triq arterjali daqshekk traffikuża, li llum il-ġurnata hija parti mis-Central Link Project. Dan jista’ jispjega n-numru għoli ta’ ċitazzjonijiet li qed jinħarġu. Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet jinsistu li l-limitu tal-veloċità jirrifletti l-fatt li din hija triq residenzjali b’garaxxijiet jagħtu għat-triq.

It-tieni l-aktar triq arterjali fejn inħarġu ċitazzjonijiet bl-ispeed camera kienet il-karreġġjata tat-tramuntana tal-mina tat-Triq Reġjonali li fejn inħarġu b’kemm jiswew €165,721 f’ċitazzjonijiet.

Min-naħa l-oħra, l-inqas numru ta’ multi inħarġu fil-Bypass tal-Imrieħel li hija waħda mill-ftit toroq fejn hemm il-limitu massimu ta’ veloċità f’Malta ta’ 80 kilometru fis-siegħa. Skont l-NSO, il-valur totali tal-multi maħruġa mill-camera fil-karreġġjata lejn il-Marsa fl-2020 kien biss ta’ €7,687 li huwa 37 darba inqas mill-ispeed camera li tinsab aktar ’il fuq fit-triq f’Ħ’Attard. Din ix-xejra hija riflessa fil-karreġġjata l-oħra tal-Bypass tal-Imrieħel li tmur lejn it-tramuntana li kienet it-tieni l-inqas speed camera li qabdet kontravenzjonijiet.  Madankollu, din it-triq arterjali tispikka mill-bqija minħabba li aktar min-nofs iċ-ċitazzjonijiet inħarġu lil sewwieq li kienu għaddejjin  b’aktar minn 95 kilometru fis-siegħa.

L-ipparkjar illegali jibqa’ fost l-iktar kontravenzjoni komuni

L-NSO jagħti wkoll analiżi dettaljata tal-kontravenzjonijiet l-oħra tat-traffiku fl-2020. Bħala medja nħarġu 555 ċitazzjoni tat-traffiku kuljum mill-pulizija u l-gwardjani lokali. B’kollox dawn jammontaw għal €5.6 miljun f’multi. Il-gwardjani lokali ħarġu erba’ darbiet iktar ċitazzjonijiet mill-pulizija.

L-ipparkjar illegali baqa’ fuq nett tal-lista – xhieda tan-numru dejjem jiżdied ta’ vetturi fit-triq u n-nuqqas qawwi ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ. Matul dan il-perijodu il-pulizija ħarġu medja ta’ 31 ċitazzjoni kuljum -pulizija għal parkeġġ jew waqfien illegali. Fuq medda ta’ sena dawn jammontaw għal €263,000. Sinifikanti hu l-fatt li minkejja t-tnaqqis fit-traffiku rreġistrat fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-kontravenzjonijiet fuq parkeġġ xorta żdiedu meta mqabbla mas-sena ta’ qabel – minn 11,037 fl-2019 għal 11,287.

Minn analiżi simili din id-darba tal-multi maħruġa mill-gwardjani, iċ-ċifra rispettiva ta’ ċitazzjonijiet li nħarġu kuljum maħruġa għal parkeġġ illegali kienet ta’ 136, li tfisser żieda ta’ 32% fuq l-2019. Il-valur ta’ dawn iċ-ċitazzjonijiet hu ta’ €1.04 miljun. Madankollu, fil-każ tal-gwardjani l-aktar kontravenzjoni komuni kienet ta’ sewqan  fuq il-karreġġjata ta’ prijorità jew li jintrifsu l-marki tal-karreġġjati b’160 ċitazzjoni kuljum. B’kollox fl-2020 dawn inħarġu b’kemm jiswew €1.36 f’ċitazzjonijiet bħal dawn.