L-importanza u s-sbuħija tas-siġar madwarna
Dan l-aħħar tqajmet kwistjoni dwar il-qlugħ ta’ diversi siġar, f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta, biex jagħmlu wisa’ għall-bidu ta’ proġetti infrastrutturali u twessiegħ ta’ toroq. L-ambjentalisti, rappreżentanti minn għaqdiet u sezzjoni tal-pubbliku wrew it-tħassib tagħhom għal dan l-aġir, partikularment f’Ħal Balzan, u appellaw għal soluzzjonijiet oħrajn qabel ma s-siġar jitqaċċtu.
Is-siġar huma importanti. Hekk kif huma l-akbar pjanti fid-dinja, dawn jagħtuna l-ossiġnu, jaħżnu l-karbonju, jistabilizzaw il-ħamrija u jagħtu l-ħajja lill-ħajja selvaġġa tad-dinja. Is-siġar jipprovduna wkoll bil-materjali għall-għodda kif ukoll bil-kenn.
Is-siġar mhux biss huma essenzjali għall-ħajja, imma bħala l-aktar speċi li qatt għexu fuq din l-art, jagħtuna ħolqa bejn il-passat, il-preżent u l-futur.
Il-friegħi bil-weraq tas-siġar jagħmluha ta’ filtru fiżiku, jassorbu t-trab u sustanzi li jniġġsu fl-arja. Jipprovdu wkoll d-dell mir-radjazzjoni tax-xemx u jmewtu jew inaqqsu l-istorbju.
Is-siġar jassorbu d-dijossina tal-karbonju hekk kif ikunu qed jikbru, u l-karbonju li jaħżnu fl-injam tagħhom jgħin biex inaqqas ir-rata tat-tisħin globali. Inaqqsu wkoll il-veloċita’ tar-riħ u jiffriskaw l-arja hekk kif jitilfu l-umdita’ u jirriflettu s-sħana ‘l fuq mill-weraq tagħhom.
Is-siġar huma wkoll l-irdoss ta’ diversi speċi ta’ insetti u għasafar. Meta s-siġar jkunu għadhom żgħar, joffru l-kenn u ikel lil komunitajiet ta’ għasafar, insetti, fungi u pjanti. Meta jikbru, iz-zokk ukoll jipprovdi kopertura vojta li hi meħtieġa minn speċi bħal friefet il-lejl, ħanfus u kokki.
Siġra matura tal-ballut tista’ tkun id-dar ta’ madwar 500 speċi differenti. F’Malta hawn aktar minn 30 speċi ta’ siġar protetti. Uħud minnhom huma verament rari u ftit li xejn għad baqa’ minnhom. Għaldaqstant dawn jeħtieġu protezzjoni akbar minn oħrajn.
Is-siġar isaħħu l-karattru distintiv ta’ post u jinkoraġġixxu l-kburija lokali. Il-boskijiet, bħal dak fil-Buskett, jistgħu jintużaw ( u hekk qed isir mill-iskejjel) bħala riżorsa edukattiva u jressqu gruppi ta’ nies lejhom għal attivitajiet bħal mixi u l-osservazzjoni tal-għasafar. Is-siġar huma wkoll imprezzabbli għat-tfal biex jilgħabu fihom u jiskopru s-sens tagħhom ta’ avventura.
In-nies huma attirati biex jgħixu, jaħdmu u jinvestu qrib zoni ambjentali. Ir-riċerka turi li l-prezzijiet medji tad-djar huma kemmxejn għoljin meta l-proprjetajiet ikunu qrib ta’ siġar maturi. Il-kumpaniji jibbenefikaw minn ħaddiema aktar kuntenti u iżjed b’saħħithom jekk ikun hemm parks jew siġar fil-viċinanzi. Għalhekk il-bżonn li jiżdied in-numru ta’ parks naturali f’pajjiżna
Is-siġar jagħmlu tajjeb għas-saħħa. Ir-riċerka turi li malli ssib ruħek imdawwar bis-siġar u bi spazju ħadrani, f’temp ta’ ftit minuti, il-pressjoni fid-demm tinżel, ir-rata tal-qalb tonqos u l-livelli tal-istress ukoll jitbaxxew.
Kollox ma’ kollox, ilkoll kemm aħna għandna nqisu s-siġar bħala ‘l-pulmun’ tal-pajjiż. Jeħtieġ li l-awtoritajiet jagħtu iżjed kas tas-siġar u ta’ dak kollu li qed jgħix madwarna u jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-impatt negattiv fuq l-ambjent sabiex kemm aħna kif ukoll uliedna nkomplu ngawdu n-natura.