L-Ewro Parlamentari huma lesti li jinnegozjaw miri, li jorbtu, mal-Ministri Ewropej sabiex l-effiċjenza tal-enerġija tissaħħaħ b’35 fil-mija u  s-sehem tas-sorsi li jiġġeddu fit-taħlita totali tal-enerġija jiġġedded b’35 fil-mija sal-2030. 

Il-Parlament Ewropew approva l-proposti li ġew diskussi fi stadju  ta’ kumitat għal miri li jorbtu fuq livell Ewropew ta’ tisħiħ ta’ 35 fil-mija fl-effiċjenza tal-enerġija, sehem minimu ta’ 35 fil-mija ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum finali gross ta’ l-enerġija, u sehem ta’ 12 fil-mija minn sorsi li jiġġeddu fit-trasport, sal-2030. 

Sabiex dawn il-miri kollha jintlaħqu, l-istati membri tal-UE huma mitluba li jiffissaw il-miri nazzjonali tagħhom, sabiex ikunu monitorjati u jinkisbu pari passu mal-abbozz ta’ liġi dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. 

Il-mira tal-UE ta’ 35 fil-mija fl-effiċjenza tal-enerġija 

Dwar l-effiċjenza tal-enerġija, il-Parlament ivvota favur il-minimu tal-mira ta’ 35 fil-mija u oħrajn nazzjonali indikattivi. 

Din il-mira għandha tkun kunsidrata abbażi tal-konsum proġettat tal-enerġija fl-2030 skont il-mudell PRIMES. 

L-abbozz ta’ liġi dwar l-effiċjenza tal-enerġija kien approvat b’485 vot favur, 132 kontra u 58  astensjoni. 

Enerġija li tiġġedded: mira ta’ 35 fil-mija li torbot 

Meta vvotaw fuq parti separata tal-leġislazzjoni, addottata b’492 vot favur, 88 vot kontra u 107 astensjonijiet, l-Ewro Parlamentari qalu li s-sehem tal-enerġija li tiġġedded għandha tkun ta’ 35 fil-mija tal-konsum tal-enerġija fl-UE fl-2030. Il-miri nazzjonali għandhom ukoll ikunu ffissati, u li minnhom l-istati membri jitħallew jiddevjaw b’massimu ta’ 10 fil-mija taħt ċertu kundizzjonijiet. 

It-trasport: aktar biofuels avvanzati, żejt tal-palm li għandu  jitħalla barra sal-2021 

Fl-2030, kull stat membru għandu jassigura li 12  fil-mija tal-enerġija kkunsmata fit-trasport tiġi minn sorsi li jiġġeddu. Il-kontribut  tal-hekk imsejħa biofuels “tal-ewwel ġenerazzjoni” (magħmulin mill-ikel u għelejjel għall-għalf) għandhom ikunu limitati sal-livelli tal-2017, bil-massimu ta’ 7 fil-mija  fit-trasport fuq l-art u bil-ferroviji. L-Ewro Parlamentari wkoll iridu waqfien mill-użu ta’ żejt tal-palm mill-2021. 

Is-sehem ta’ biofuels avvanzati (li għandhom inqas impatt fuq l-użu tal-art minn dawk bażati fuq l-ikel), fuels li jiġġeddu ta’ oriġini mhux bijoloġika għat-trasport, fossil fuels bażati fuq l-iskart u elettriku li jiġġedded iridu jkunu tal-inqas 1.5 fil-mija fl-2021, jogħlew għal 10 fil-mija fl-2030. 

Stazzjonijiet biex tiċċarġja l-batterija 

L-Ewro Parlamentari jsostnu li sal-2022, 90 fil-mija tal-pompi tal-fuel tul it-toroq tal-Qafas Trans-Ewropew għandhom ikunu mgħammra b’apparat b’saħħtu li jiċċarġja vetturi li jaħdmu bl-elettriku. 

Il-Biomass 

L-Ewro Parlamentari jridu li skemi ta’ appoġġ għal enerġija li tiġġedded minn  biomass li jkun disinjat biex wieħed jevita l-użu mhux sostenibbli tal-biomass għall-produzzjoni tal-enerġija jekk ikun hemm użu industrijali u materjali aħjar, bħal karbonju li jinqabad fl-injam u li jiġi abbandunat jekk ikun maħruq għas-sħana. Għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-prijorita’ għalhekk għandha tingħata lil skart minn injam li jinħaraq u l-fdalijiet. 

L-elettriku ġġenerat mill-konsumatur u komunitajiet tal-enerġija 

Il-Parlament irid jassigura li l-konsumaturi li jipproduċu l-elettriku minn djarhom huma intitolati biex jikkunsmawh u jinstallaw sistemi ta’ ħażna mingħajr ma jħallsu xi ħlasijiet, miżati jew taxxi. 

Il-mandat tan-negozjar għall-Ewro Parlamentari wkoll jitlob lill-istati membri biex janalizzaw l-ostakli eżistenti għall-konsum tal-enerġija li jkun ġej mid-djar tal-konsumaturi, sabiex jippromwovu tali konsum, u biex ikun assigurat li l-konsumaturi, partikularment ir-residenzi, jistgħu jingħaqdu ma’ komunitajiet ta’ enerġija li tiġġedded mingħajr ma jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet jew proċeduri mhux ġustifikati. 

Pjani nazzjonali u r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea 

Sabiex jimpenjaw ruħhom fuq il-miri tal-Unjoni tal-Enerġija, sal-1 ta’ Jannar 2019 u wara kull għaxar snin, kull stat membru jrid jippreżenta pjan integrat dwar l-enerġija nazzjonali u l-klima lill-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel pjan irid ikopri l-perijodu, mill-2021 sal-2030. Il-pjani li jiġu wara, għandhom ikopru l-perijodu ta’ għaxar snin eżattament wara t-tmiem tal-perijodu kopert mill-pjan preċedenti. 

Il-Kummissjoni tkun tista’ tanalizza l-pjani integrati tal-enerġija nazzjonali u l-klima, u tkun tista’ tressaq rakkomandazzjonijiet jew tieħu miżuri ta’ rimedju jekk hi tikkunsidra li sar progress jew ittieħdu azzjonijiet insuffiċjenti. 

Ir-resoluzzjoni dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija kienet approvata b’466 vot favur, 139 vot  kontra u 38 astensjoni.