Għaliex it-trasparenza fil-Gvern hi importanti?
It-trasparenza fil-gvern hi waħda mill-prinċipji fundamentali tad-demokrazija. Fil-fatt diversi kummentaturi politiċi, ġurnalisti u ċittadini ta’ rieda tajba f’pajjiżna qed isejħu għal aktar trasparenza fil-gvern fil-livelli kollha, partikularment dan l-aħħar fil-kwistjoni dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals.
X’inhi, eżattament, it-trasparenza u għaliex hi importanti? Fi kliem sempliċi, it-trasparenza tal-Gvern tippermettilek – inti li tħallas it-taxxi – li tirriċerka faċilment u żżomm lill-gvern u lir-rappreżentanti tal-poplu eletti fil-parlament kontabbli ta’ kif huma jonfqu flus iċ-ċittadini fil-livelli kollha tal-Gvern.
It-trasparenza tal-Gvern tfisser li l-informazzjoni finanzjarja u pubblika għandha tkun disponibbli permezz ta’ sistema faċli biex tużaha u li tinftiehem mill-poplu. Tali sistema tħalli liċ-ċittadin biex jara b’mod ċar kif uffiċjali pubbliċi qed jonfqu l-flus mit-taxxi, u jagħtu l-abbilta’ liċ-ċittadin biex iżommu lill-membri parlamentari eletti mill-poplu responsabbli ta’ għemilhom.
It-trasparenza fil-gvern mhix xi kwistjoni ġdida. John Adams, it-tieni president tal-Istati Uniti, kiteb: “Liberty cannot be preserved without a general knowledge among the people, who have a right and a desire to know”. Fi kliem ieħor, sistema b’saħħitha ta’ gvern hi gvern miftuħ li jħalli lil min jixtieq ikun jaf biex jikseb it-tagħrif li qed ifittex.
Il-liberta’ tal-informazzjoni, id-dibattiti fuq it-televiżjoni u verifiki tal-gvern ippubblikati, huma eżempji kbar ta’ kif gvernijiet preċedenti inkoraġġew it-trasparenza fil-passat. Iżda llum xi bidliet reali huma meħtieġa sabiex l-isforzi dwar it-trasparenza jkunu modernizzati. L-internet hu pjattaforma tajba ħafna għal tali sforzi fid-dinja moderna, u r-rata għolja fl-użu tal-internet fid-djar flimkien mad-disponibbilta’ tal-internet kważi kullimkien ifisser li kważi kull ċittadin għandu aċċess għall-internet.
L-aċċessibbilta’ sħiħa f’dan il-livell tipprovdi l-kontroll tant meħtieġ kontra l-korruzzjoni u l-użu ħażin tal-assi tal-Gvern, filwaqt li fl-istess ħin tiżvela x-xejriet, turi l-iżballji li saru u toffri soluzzjonijiet għal problemi li l-uffiċjali tal-gvern setgħu ma rawx.
It-trasparenza żżid iċ-ċarezza u l-kontabbita’ għal sistema, li jekk ma tkunx kontrollata, tkun suxxettibbli għall-korruzzjoni. Barra minn hekk, intwera li t-trasparenza fiskali hija prerekwiżit għal politika ekonomika soda.
Allura jekk it-trasparenza hi idea tajba, għaliex m’għandniex diġa’ trasparenza sħiħa fil-gvern fil-livelli kollha? It-tweġiba x’aktarx hi minħabba l-biża’ u n-nuqqas ta’ rieda għall-bidla.
Ejja nkunu ċari. Dan il-pajjiż irid iġib lura t-trasparenza u l-kontabbilta’ li naqsu f’dawn l-aħħar snin. Iċ-ċittadini ta’ rieda tajba ma jridux l-iżvelar ta’ sigrieti tal-gvern jew informazzjoni sensittiva mhux pubblika. Il-poplu qed jitlob sempliċiment li l-Gvern jippubblika informazzjoni li l-pubbliku għandu dritt għaliha skont il-liġi.
Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ċertament iridu t-trasparenza tal-Gvern. Wara kollox ir-rappreżentanti tal-Gvern jaħdmu għalik u għalija li nħallsu t-taxxi.