X’jiġik f’moħħok meta taħseb fuq id-diversita’? L-ewwel affarijiet li jiġu f’imħuħ in-nies huma fatturi bħal l-eta’, is-sess, ir-razza u l-isfond kulturali. Imma hemm ħafna aktar  għall-ħolqien  ta’ post tax-xogħol differenti, milli  jkunu impjegati persuni, irġiel u nisa, skont il-kwoti. 

Għalkemm jista’ jkun hemm affarijiet komuni ma’ individwi oħrajn, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd għandu l-personalita’ tiegħu u dak li jkun jista’ jġib  miegħu diversi affarijiet madwar il-mejda. Għalhekk id-diversita’ hi daqstant importanti f’tim. Meta jkunu impjegati persuni differenti u fi stadji varjati tal-karriera tagħhom, il-kreattivita’ tikber b’riżultat li jkun hemm firxa ta’ perspettiva u ideat. 

Individwi minn oqsma differenti tal-ħajja jistgħu joffru selezzjoni ta’ talenti, snajja’ u esperjenzi differenti, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-organizzazzjoni u għall-prestazzjoni tagħhom fix-xogħol. Il-varjeta’ tal-ħiliet u l-esperjenzi fost il-ħaddiema ukoll tfisser li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jitgħallmu mingħand xulxin. 

Meta naħdmu ma’ nies minn kulturi, esperjenzi u stili ta’ xogħol differenti, jistgħu jinħolqu kunċetti  kreattivi billi nesprimu l-ideat u nagħtu s-suġġerimenti tagħna. Filwaqt li persuna tista’ tkun tajba fl-ideat, ħaddieħor jista’ jkollu l-esperjenza neċessarja biex iwettaqhom.  

L-ostakli fil-lingwa u d-differenza fil-kulturi xi kultant jistgħu jfixklu post tax-xogħol milli jespandi l-operat tiegħu. Madankollu meta jkunu impjegati ħaddiema li jitkellmu b’ilsna differenti, post tax-xogħol jista’ jaħdem lil hinn minn pajjiżu u jikkommunika ma’ iżjed entitajiet. 

Kumpanija li tilqa’ id-diversita’ tattira firxa wiesgħa ta’ kandidati għax-xogħol li huma japplikaw, għax tkun meqjusa bħala organizzazzjoni progressiva u tappella għal ħafna nies. Naturalment, meta n-numru ta’ l-applikanti jiżdied, iċ-ċansijiet li jinstab kandidat eċċezzjonali wkoll jiżdiedu.  

Il-ħaddiema x’aktarx iħossuhom komdi u kuntenti f’ambjent fejn l-inklussivita’ hi prijorita’. L-ugwaljanza fil-post  tax-xogħol hi importanti sabiex il-ħaddiema minn kull qasam  tal-ħajja jkunu inkuraġġiti jħossuhom kunfidenti fl-abbilta’ tagħhom u jiksbu l-aħjar riżultati. Aktar mal-morall  fit-tim ikun għoli, aktar tiżdied il-produttivita’ fost il-ħaddiema.