Matul il-perjodu parlamentari 2014-2019 l-Unjoni Ewropea u partikularment il-Parlament Ewropew, permezz tal-Kumitat iddedikat dwar  il-Petizzjonijiet (PETI), kompla jżomm id-dritt taċ-ċittadini biex iressqu petizzjoni fil-Parlament Ewropew sabiex iqajjem kwistjonijiet u tħassib u biex isejjaħ għal rimedju u azzjoni f’oqsma ta’ kompetenza Ewropea,  billi jimmobilizza istituzzjonijiet u stati membri kemm fuq kwistjonijiet fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku, u kwistjonijiet “reqdin”. 

Bl-iskop li jservi aħjar liċ-ċittadini Ewropej, il-Kumitat żviluppa Portal tal-Petizzjonijiet biex jippermetti l-ħeffa fis-sottomissjoni tal-petizzjonijiet, aktar kuntatt u servizzi ta’ informazzjoni. Addotta linji gwida ġodda u aġġornati biex  jiffaċilita l-ipproċessar ta’ petizzjonijiet u l-proċess tal-Kumitat fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Irnexxielu wkoll li jintroduċi xi  bidliet pożittivi fir-Regoli u l-Proċedura tal-Parlament Ewropew. 

Il-koperazzjoni ma’ kumitati oħrajn tal-Parlament Ewropew kienet imsaħħa u mtejjba, inkluż permezz  tal-ħolqien tal-Qafas dwar il-Petizzjonijiet. Għall-ewwel darba, il-PETI ħoloq Grupp ta’ Ħidma speċjali, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet fuq il-Ħarsien tat-Tfal, li kien responsabbli għall-investigazzjoni ta’ numru ta’ petizzjonijiet dwar id-drittijiet tat-tfal u biex jirrapporta lura lill-Kumitat billi jipproponi rakkomandazzjonijiet. Il-PETI żamm relazzjonijiet tajbin ta’ xogħol mal-Kummissjoni, mal-Kunsill, mal-Istati Membri u mal-Ombudsman Ewropew. Ħadem mill-qrib mas-servizzi tal-Parlament Ewropew, partikularment mas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, żied l-użu tal-esperjenza fir-riċerka tad-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali għal studji u workshops kif ukoll tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew. 

Barra minn hekk, matul il-perjodu 2014-2019, organizza numru kbir ta’ laqgħat pubbliċi. Fl-istess waqt, il-kumitat irnexxielu jżomm l-attività parlamentari sostanzjalment stabbli meta wieħed iqabbel in-numru ta’ rapporti, opinjonijiet, mistoqsijiet orali, resoluzzjonijiet u żjarat għat-tiftix tal-fatti li saru fil-perjodi 2014-2019 u 2009-2014. 

F’dan l-isfond, il-PETI baqa’ jeżamina numru kbir ta’ petizzjonijiet li qajmu kwistjonijiet fl-oqsma kollha tal-attività Ewropea: id-drittijiet fundamentali, il-migrazzjoni, id-dritt li ssir petizzjoni, iċ-ċittadinanza, il-moviment ħieles, id-diskriminazzjoni, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, id-drittijiet tat-tfal, l-ambjent, il-ħarsien tal-annimali, id-diżabbiltà, il-policies soċjali u x-xogħol, il-Brexit, l-għamla ta’ liġijiet aħjar u l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea, it-trasparenza, l-aċċess għad-dokumenti, il-konflitti ta’ interess u l-ftehim internazzjonali. 

Il-kisbiet kurrenti spiss isiru sfidi għall-futur. Għalhekk matul id-Disa’ Leġislatura l-Kumitat PETI u l-Parlament Ewropew jistgħu jiżviluppaw aktar u jisfruttaw il-potenzjal tal-portal u tal-website  tal-PETI biex issir komunikazzjoni maċ-ċittadini u bħala strument intern għat-tmexxija tal-petizzjonijiet. 

F’każ ta’ numri kbar  ta’ petizzjonijiet fuq ċertu suġġetti importanti, il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid, jew inkella rapporti li jsiru fuq inizjattiva tal-individwu jistgħu jitniedu. Ir-riċerki jistgħu janalizzaw ix-xejriet tal-petizzjonijiet, il-possibbiltà ta’ modi innovattivi biex jippromwovu d-dritt tal-petizzjoni u biex tinkiseb bidla reali għal min jagħmel petizzjoni, inkluż billi jkunu mmobilizzati istituzzjonijiet oħrajn u stati membri.