Is-sigurtà fuq l-internet hija kunsiderazzjoni neċessarja għall-individwi u l-familji kif ukoll għall-postijiet tax-xogħol, il-gvernijiet u istituzzjonijiet edukattivi. 

Għall-familji u l-ġenituri, is-sigurtà fuq l-internet għat-tfal u l-membri tal-familja hija ta’ importanza kbira. F’termini tas-sigurtà finanzjarja tagħna, huwa kruċjali li nipproteġu informazzjoni li tista’ taffettwa l-finanzi personali tagħna. Bil-protezzjoni li nagħtu lill-kompjuters tagħna, inkunu qed nipproteġu tagħrif personali prezzjuż, bħal ritratti kif ukoll videos u l-mużika li nkunu niżżilna minn fuq l-internet. 

L-amministrazzjoni tal-iskejjel, l-istaff u l-istudenti jafu li l-internet ipprovda opportunitajiet kbar ta’ tagħlim kif  ukoll riskji. L-istudenti, l-għalliema u l-amministraturi jridu jifhmu kif għandhom iħarsu  lilhom  infushom, u jridu wkoll jifhmu r-rabta bejn id-dinja ta’ fuq l-internet u dik reali. Li nitgħallmu  kif nipproteġu l-kompjuters u nġibu ruħna b’mod xieraq fuq l-internet inaqqas il-vulnerabbiltajiet u jinħoloq ambjent sikur fuq l-internet. 

Postijiet tax-xogħol żgħar jew ta’ daqs medju jiffaċċjaw sfidi kritiċi minħabba riżorsi limitati u nuqqas ta’ tagħrif. Il-veloċità li biha qed tevolvi t-teknoloġija tagħmilha diffiċli biex wieħed iżomm ruħu aġġornat mas-sigurtà.  Madankollu, għarfien aħjar tas-sigurtà u pjanar tajjeb jistgħu jgħinu lill-postijiet tax-xogħol biex jipproteġu l-propjetà intellettwali tagħhom. 

Il-gvernijiet ċentrali, il-kunsilli lokali u entitajiet oħrajn bħat-trade unions, iżommu ammont kbir ta’ data personali u rekords taċ-ċittadini jew tal-membri tagħhom. Dan minbarra informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tkun fil-mira  tal-hackers. Madankollu jista’ jkun il-każ li diversi entitajjet pubbliċi jkunu sfidati b’infrastruttura insuffiċjenti sikura u b’nuqqas ta’ għarfien. Sigurtà aħjar tgħin lil entitajiet pubbliċi sabiex jipprovdu servizzi ta’ min jorbot fuqhom, iżommu kuntatt maċ-ċittadin u jipproteġu informazzjoni sensittiva. 

X’għandu jkun ir-rwol ta’ kull wieħed u waħda minna dwar is-sigurtà  fuq l-internet? Naħseb li huwa importanti li nirrikonoxxu d-diversi tipi ta’ riskji li jeżistu fid-dinja virtwali. Meta nkunu onlajn, għandna nżommu dan f’moħħna: nieqfunaħsbunikkonnettjawNieqfu għal mument. Naħsbu dwar kif se nieħdu ħsieb l-informazzjoni u d-data personali tagħna qabel ma naġixxuNikkonnettjaw b’responsabbiltà. 

Fuq l-internet ġieli rċivejna emails malizzjużi jew fażulli u li jekk ma noqogħdux attenti  nistgħu ningidmu u nagħmlu ħsara lis-sistemi tagħna. Għaldaqstant wieħed irid joqgħod b’seba’ għajnejn u ma jiftaħx messaġġi jew attachments minn sorsi mhux magħrufa. Anki l-passwords li noħolqu, għandna nagħżluhom b’saħħithom li ma jkunux faċli biex wieħed jaqtagħhom. 

Barra minn hekk, għalkemm il-media soċjali tista’ tkun esperjenza divertenti u tgħinek biex tibqa’ ikkonnettjat, din tista’ wkoll toħloq opportunità sabiex tinsteraq l-informazzjoni jew anki tikkomprometti l-identità u s-sigurtà personali. Għalhekk għandna nħarsu l-identità tagħna fuq siti tal-media soċjali. Fuq kollox irridu nkunu assertivi u ma naqsmux tagħrif li jista’ jgħin lin-nies biex jisiriqu l-identità personali tagħna.