Aħna spiss inkunu ppreżentati b’sitwazzjonijiet fejn nagħmlu ġudizzju. Dan jista’ jiġri meta xi ħadd ma jkunx dħuli. Jista’  iseħħ meta nkunu qed nitkellmu ma’ xi ħadd u t-ton tiegħu jew tagħha ma jinżillekx. Jista’ ukoll iseħħ meta wieħed iħares b’ċertu mod li jġiegħlna niffurmaw opinjoni dwaru. 

Fil-fatt hemm ħafna eżempji, imma spiss nieħdu deċiżjoni dwar xi ħadd jew ta’ sitwazzjoni mingħajr ma jkollna l-fatti kollha f’idejna. Nemmen li huwa importanti li  nippruvaw nagħtu l-benefiċċju tad-dubju lin-nies għax l-affarijiet mhux dejjem ikunu kif jidhru.  

Tweġibiet qosra jew kliem bla sens  jistgħu jiġu interpretati ħażin minħabba tħassib fil-ħajja ta’ xi ħadd. Probabbilment li aħna lkoll nirreaġixxu malajr biex niġġudikaw lil xi ħadd minħabba l-apparenza tiegħu jew tagħha, kemm pożittiv jew negattiv. X’aktarx li nippuntaw id-difetti f’ħaddieħor li l-aktar naraw fina nfusna. Ma  tantx nafu lil xi ħadd sakemm verament inkunu viċin tiegħu jew tagħha. 

Allura ejja naraw kif nistgħu nirrelataw aħjar ma’ xulxin. Ilkoll kemm aħna rridu li nħossuna inklużi u milqugħin. Jekk nieħdu l-ħin biex nifhmu aħjar lil xulxin, ħajjitna tkun iżjed sodisfaċenti u tista’ tibdel il-ħajja tal-oħrajn.  

It-teknoloġija, bil-benefiċċji kollha biex jagħmlu ħajjitna aħjar, qed tikkontribwixxi għal ħajja mgħawwġa, tant li qed ikun hawn il-konfużjoni u t-tħassib. Dan minħabba t-trasparenza li qed ikollna fil-ħajja ta’ ħaddieħor. B’riżultat ta’ dan, spiss niġġudikaw jew inħossuna ġġudikati. Naħsbu  li dak li naraw fuq l-internet jew fuq il-media soċjali jagħti stampa reali. Għandna ninjoraw ħafna minn  dak li naraw u ma ngħaġġlux, anzi naħsbu u nirriflettu qabel ma nirreaġixxu. 

Hawn biżżejjed sfidi fil-ħajja u m’għandniex noħolqu oħrajn  bla bżonn. Allura ejja nistinkaw biex ngħixu fl-armonija. Xi ħaġa iebsa imma ejja nippruvaw. In-nies xi kultant ma jaħsbux li jistgħu jagħmlu differenza għax ħafna problemi huma  kbar wisq biex jiġu indirizzat b’mod individwali jew inkella ma  jagħtux kas.  

Madankollu, li turi empatija għal xi ħadd tista’ tagħmel differenza fid-dinja tagħna. Nistgħu nagħmlu dan jekk inħossuna  kunfidenti magħna  nfusna. In-negattività, id-dubju u l-ġudizzju mhux biss iwaqqgħu l-morall tal-persuna, imma dawn l-emozzjonijiet jistgħu jkollhom effetti detrimentali fuq ħajjitna jekk neħżienu fihom. 

Niftakru li nistgħu noħolqu bidla pożittiva u ma ninsewx li lkoll kemm aħna għandna l-istess ħtiġiet – il-ħarsien, is-sigurtà, il-kuntentizza u li nkunu aċċettati. Hija sfida biex ikollna l-kuraġġ li nagħmlu dak li huwa tajjeb. Imma, fl-aħħar mill-aħħar, irridu ngħixu magħna nfusna u bid-deċiżjonijiet li nagħmlu. Nemmen li noħolqu sens ta’ paċi u kuntentizza meta nuru kompassjoni u nifhmu lil ħaddieħor.