Hija instigata mill-kontravenzjonijiet tat-traffiku, sewqan aggressiv, veloċità bla bżonn, in-nuqqas fl-użu tal-indicators, kif ukoll il-waqfien tal-vettura f’daqqa biex wieħed inpaċpaċ ma’ sewwieq ieħor u t-tisrip bl-addoċċ – sinjuri, din hija r-rabja fit-toroq tagħna. 

Ir-riżultat  ta’ dan ikun kważi barbaru. Dan l-aħħar smajna jew qrajna b’inċident li seħħ f’Ħal Qormi. Is-sewwieqa involuti mhux talli qagħdu jitgħajru, imma wieħed minnhom saħansitra ħareġ għal sewwieq ieħor u allegatament tah daqqiet b’oġġett iebes. 

Huwa komuni li r-rabja fit-toroq tagħna qed jiżdied u jiżdied bil-kbir. Il-konġestjonijiet tat-traffiku mhumiex iseħħu biss matul il-jiem tax-xogħol imma anki fi tmiem il-ġimgħa. Diversi toroq arterjali qed ikunu tal-biża’ anki nhar ta’ Sibt. Saret xena komuni li tara sewwieqa jinsultaw lil xulxin u jagħmlu ġesti psataż. Anki bil-lejl ġieli ssib  ruħek f’sitwazzjoni fejn is-sewwieq ta’ warajk jifflikkja l-bright b’mod eċċessiv biex tersaqlu ħalli jgħaddi, l-użu tal-horn jew, din isbaħ, is-sewqan f’nofs it-triq. X’ma tirrabjax! 

Sirna wisq bla paċenzja. Issib min ma jċedix biex taqsam minn triq residenzjali għal triq arterjali. U jekk taqsam, wara li tkun qabżitlek iċ-ċinga, erħilu min ikun ġej warajk ipaqpaqlek jew jikkummentalek bi kliem dispreġjattiv għax tkun ħriġtlu. 

Ngħiduha kif inhi – ħadd ma jieħu pjaċir fit-traffiku fl-eqqel ħinijiet tal-ġurnata u l-agħar ħaġa li tistenna hu li xi ħadd għadu jibda jsuq joqgħod ipaqpaq u jara kif jagħmel biex iserrep minn karreġġjata għal oħra biex mingħalih jaqbeż lil kulħadd. Tali aġir jagħmel lil dak li jkun irrabjat u f’ħafna każi jiżvoga bid-dagħa jekk ma jabbużax fiżikament mas-sewwieq amatorjali,  kif rajna dan l-aħħar f’Ħal Qormi. 

Skont studju partikulari, aktar minn nofs is-sewwieqa Maltin esperjenzaw xi forma ta’ bullying fit-toroq. Il-bullies fit-toroq ma jaħsbux dwar il-konsegwenzi jew f’persuni oħrajn fit-triq bħala nies bil-familja. Barra minn hekk, l-istess studju wera li l-imġieba vjolenti tal-bullies fit-toroq ġejja minn fatturi oħrajn fil-ħajja tagħhom, bħal stress fid-dar jew fil-post tax-xogħol.  

Is-sewqan aggressiv qed jiżdied fit-toroq Maltin. Il-Gvern dan l-aħħar ħabbar li jixtieq juża t-teknoloġija, jew aħjar, l-Intelliġenza Artifiċali fit-toroq tagħna. Inizjattiva tajba. Imma inutli jsiru dawn l-ideat smart jekk ma naħsbux f’miżuri konkreti biex inaqqsu t-traffiku. Il-popolazzjoni qed tiżdied bl-eluf fis-sena u dan qed iwassal għal aktar karozzi, iżjed inċidenti u aktar tniġġis. 

L-importanti hu, u din  trid tiġi mill-individwu, li nipprovaw insuqu bi prudenza anki f’kundizzjonijiet diffiċli. Xi ħaġa utli oħra hi li nsuqu b’mod difensiv. Inutli li tirriskja taħbat ma’ vettura oħra,  anki  jekk taf li din tal-aħħar qed tinstaq b’mod ħażin. Il-konsegwenzi huma dejjem koroh u l-aħjar li dawn jiġu  evitati. Id-diskrezzjoni hija l-aħjar soluzzjoni meta naffaċċjaw sewqan ħażin fit-toroq.