F’artiklu li ġie pubblikat f’edizzjoni li għaddiet, fissirt kif rapport tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) tan-Nazzjonijiet Uniti wera l-effetti tal-bidla fil-klima fuq il-baħar u r-reġjuni ffriżati tad-dinja. Minn dan ir-rapport nikkonkludu li hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti ħafna. 

Issib min jirraġuna – u iva l-baħar, daqs kemm hu vast, jista’ jieħu dak kollu li nitfgħulu! Fl-Oċean Artiku, u f’dak iktar kiesaħ, l-Antartiku qed jinħall is-silġ. Minn fuq il-muntanji tal-Alpi, dan l-aħħar kien  hemm il-biża’ li taqa’ valanga kbira u r-residenzi fil-viċin ġew evakwati. Min jimpurtah? Għaliex għandu jimpurtana? 

Jekk, forsi, 30 sena ilu kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif il-bidla tal-klima qed taffettwa lill-bniedem u lin-natura, illum m’hemmx lok għal aktar skużi. Bl-istudji u bir-riċerka li saret u li qed issir fuq dan it-tħassib ambjentali, l-aħħar rapport tal-IPCC juri kif il-bniedem u n-natura se jkunu affettwati mill-effetti tal-bidla fil-klima fuq il-baħar u z-zoni friżati tad-dinja fis-snin li ġejjin. 

Permezz ta’ dan l-aħħar rapport, issa nafu li anki l-ilma f’qiegħ l-ibħra qed jisħon, is-silġ li qed jinħall fil-poli tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar qed jibdel it-temp saħansitra fl-Afrika, il-glaċieri li qed jinħallu qed jheddu l-provvisti tal-ilma għax-xorb u l-livelli tal-baħar qed jogħlew b’rata mgħaġġla ħafna. 

Il-gżejjer żgħar, bħal Malta, mhux biss se jkunu affettwati  biż-żieda fil-livell tal-baħar, imma anki wħud mill-ibliet kostali l-kbar jistgħu jispiċċaw taħt l-ilma. 

Fl-aħbarijiet smajna wkoll bin-nirien li ħakmu l-foresta Amażon fil-Brażil. Rajna mewġiet ta’ sħana u nixfiet fl-Ewropa u f’pajjiżi fl-Asja filwaqt li speċi ta’ annimali qed ifittxu kenn f’zoni aktar friski. 

Jekk m’intix inkwetat bl-orsijiet polari jew bil-pingwini, dak li forsi jħassbek biex tieqaf u tirrifletti  huma l-ammont  ta’ ħut li qed jonqos, kif ukoll in-nuqqasijiet fil-frott, fil-ħaxix, fiċ-ċereali u l-insostenibbiltà tal-biedja intensiva tagħna. 

Il-pajjiżi tal-Punent, bil-pajjiżi tal-Mediterran inklużi, ħlew biżżejjed żmien ikaxkru saqajhom, juġġistifikaw in-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom. L-alternattivi jinsabu hemm. Għandna nnaqqsu mill-enerġija u nipproteġu l-ħdura ambjentali ta’ madwarna. 

M’għadx baqa’ lok ta’ prokrastinazzjonijiet. Jeħtieġ azzjoni mill-aktar fis qabel ma niffaċċjaw problemi katastrofiċi. Huwa ż-żmien fejn il-gvernijiet, l-industrijalisti u l-partijiet interessati jxammru l-kmiem biex din il-bidla  fil-klima ma twassalx għal diżastri  naturali u mwiet bla bżonn.  

Irridu niggarantixxu s-sopravivenza tal-pjaneta tagħna u tar-razza umana u, biex nagħmlu dan l-impenn ta’ kulħadd irid jintwera bil-fatti. Inkella nistennew l-għawġ jiġi għalina.