Tħabbret il-mewt ta’ Joseph  Borg, eks Segretarju tat-Taqsima Dipartimentali u Parastatali fi ħdan il-UĦM. Hu kellu 80 sena.

Voice of the Workers tkellem ma’ Gejtu Tanti, eks President tal-Union Ħaddiema Magħqudin, li fisser lil Joe bħala persuna leali lejn il-union. Joe Borg dejjem kien ikun preżenti – kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, kemm waqt xi dimostrazzjoni jew għal laqgħat tal-kunsill tal-union. Gejtu Tanti jiftakar lil Joe bħala persuna li rari kienet titlef xi attività organizzata mill-UĦM.

Mill-aspett ta’ xogħol, l-eks President tal-UĦM jiftakar lil Joe Borg bħala Segretarju tat-Taqsima Dipartimentali tal-Gvern u Parastatali. Joe Borg kellu waħda mill-akbar taqsimiet tal-union u xi ħaġa li kienet timmeraviljah kien li dejjem kien ilaħħaq mal-volum kbir ta’ xogħol li kien  ikollu. “Kien bniedem li kien ikellem lil kulħadd, jisma’ lil kulħadd, jikteb kemm hemm bżonn biex jipprova jiġġustifika l-każ ta’ dak li jkun u ma kien jirrifjuta qatt lil xi ħadd biex jagħmillu xi ħaġa….kien jimmeraviljani bl-ammont ta’ xogħol li kien jieħu mingħajr ma jilmenta,”sostna Gejtu Tanti.

Fuq kollox, kompla l-eks President tal-UĦM, “Joe Borg kien leali, ħabrieki u dejjem kuntent, minkejja x-xogħol kbir li  kien ikollu”.

Voice of the Workers  ħa wkoll ir-reazzjoni ta’ Jesmond  Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu jiftakar lil Joe Borg bħala wieħed mill-pijunieri tal-union u ġentlom għall-aħħar. “Joe dejjem ħabb lill-ħaddiem,” sostna id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, filwaqt  li żied li hu dejjem tgħallem mill-kapaċitajiet li kellu Joe Borg. “Kien wieħed mill-persuni li nbuttani biex intejjeb il-karriera trejdunjonistika tiegħi,” qal Jesmond Bonello.

“Kollox ma’ kollox, temm jgħid id-Direttur ta’  UĦM Voice of the Workers, Joe Borg, kien ġentlom, intelliġenti u kien dejjem lest biex jgħin”.