Studju  li sar mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wera li l-bniet f’Malta huma l-aktar li għandhom piż żejjed fost il-bniet fl-Ewropa.

F’artiklu dwar dan l-istudju li kien pubblikat fil-Malta Today tat-2 ta’ Novembru, ġie rappurtat li fl-Ewropa, il-bniet Maltin jammontaw għal 11.3 fil-mija tal-popolazzjoni klassifikata bħala li għandha piż żejjed. In-numru ta’ tfal u adoloxxenti, ta’ bejn il-ħames snin u 19-il sena, u li għandhom piż żejjed, żdied b’għaxar darbiet f’dawn l-aħħar 40 sena.

Xjenzati mill-Imperial College ta’ Londra u mill-WHO, li għamlu l-istudju, qalu li jekk ix-xejriet kurrenti jissoktaw, aktar  tfal u adoloxxenti se jkollhom piż żejjed sal-2022.

Il-Professur Majid Ezzati mill-Imperial School of Public Health, stqarr li x-xejra qed tipprevjeni ġenerazzjoni ta’ tfal u adoloxxenti li qed jitilgħu b’piż żejjed  u f’riskju akbar ta’ mard, bħad-dijabete. Hu qal li jeħtieġ li jinstabu modi sabiex ikel sustanzjuż jittiekel fid-djar u fl-iskejjel, speċjalment f’familji u f’komunitajiet foqra, filwaqt li jkun hemm liġijiet u taxxi sabiex iħarsu lit-tfal minn ikel mhux tajjeb għas-saħħa.

Waħda mill-proposti ta’ UĦM Voice of the Workers għall-elezzjoni li għaddiet u għall-Budget 2018, issuġġeriet l-għoti ta’ ikel sustanzjuż b’xejn lit-tfal tal-iskola.

Ebda ikla mhi b’xejn, iżda jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għat-tfal irrispettivament mid-dħul finanzjarju tal-familji tagħhom. Jekk nagħtu lunch sustanzjuż b’xejn lit-tfal, inkunu qed neliminaw diversi ostakli.

Din il-miżura toffri diversi vantaġġi: ikel ta’ kwalita’, inqas ġenn filgħodu għall-preparazzjoni qabel l-iskola, żvilupp ta’ industrija ġdida b’ruħ soċjali, ċavetta fil-ġlieda kontra l-obeżita’ fit-tfal u edukazzjoni lil uliedna kif jieklu għal saħħithom.

Vantaġġi oħrajn jistgħu jinkludu: ħolqien ta’ aktar postijiet  tax-xogħol, kull tifel u tifla jkollu lunch xieraq, l-involviment  tal-komunita’ fil-qasam tan-nutrizzjoni, tħalli aktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

F’termini ta’ ċifri, din il-proposta tista’ twassal għal aktar minn tmien miljun lunch lit-tfal tal-iskola fis-sena, jistgħu jiġu wżati fondi tal-UE biex jiffinanzjaw l-investiment inizjali fl-iskejjel u l-promozzjoni ta’ din  il-miżura filwaqt li dan l-investiment min-naħa tal-Gvern hu kkalkulat li jiġġenera €15-il miljun fl-ekonomija.

Sfortunatament din il-proposta ma ntlaqgħetx mill-Gvern u mhux se tara d-dawl fl-immedjat. Imma wara l-istudju tal-WHO, forsi jiċċaqlaq xi ħaġa….fuq kollox b’risq saħħet it-tfal u l-ġenerazzjoni li tiela’.