Jidher li l-Fintech spiċċat fuq fomm kulħadd madwar id-dinja u Malta mhix eċċezzjoni. L-industrija tal-Fintech ippenetrat is-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna fl-2015 u kompliet tikseb suċċess, tant hu hekk, li r-regolaturi qed iħossu l-ħtieġa li tinħoloq leġislazzjoni speċifika sabiex tindirizza din l-industrija l-ġdida fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Illum, l-użu tat-teknoloġija sabiex tipprovdi u tavvanza s-servizzi finanzjarji, qed iħalli impatt kbir fuq is-settur.

Imma x’inhi l-Fintech? Il-Fintech, jew aħjar it-teknoloġija finanzjarja, tirreferi għal parti mill-istart-ups tat-teknoloġija li qed jirrevoluzzjonaw il-qasam tas-servizzi finanzjarji billi jipprovdu soluzzjonijiet effiċjenti permezz tal-internet. Dawn qed jikkompetu direttament mal-banek u mal-kumpaniji tal-assikurazzjoni filwaqt li qed joffru servizzi bħal soluzzjonijiet fit-trasferiment tal-flus, self permezz ta’ pjattaformi tal-crowdfunding, operaturi virtwali dwar il-kambju u servizzi online fil-wealth management.

Għaldaqstant, il-Fintech tkopri diversi negozji. Kumpanija tipika tal-Fintech hi waħda li tiffoka fuq servizz speċifiku fi ħdan l-industrija tas-servizzi finanzjarji u ‘żżewweġ’ dan is-servizz mat-teknoloġija tal-informatika sabiex issaħħaħ il-proċess li bih is-servizz ikun provdut. Dan l-avvanz jissarraf f’konnettivita’ u aċċessibbilta’ ikbar ta’ informazzjoni online permezz ta’ apparat  tal-komunikazzjoni li llum huma neċessita’.

Malta kisbet reputazzjoni b’saħħitha bħala ċentru importanti Ewropew fis-servizzi finanzjarji għall-fondi u għall-fund managers. Dan wassal biex pajjiżna wkoll sar ċentru Ewropew għal servizzi tal-Fintech. Malta toffri ambjent mill-aqwa għal tali start-ups u kumpaniji li qed ifittxu biex jittrasferixxu n-negozju tagħhom fil-Fintech u b’hekk għandha l-potenzjal li tkun niċċa fil-Fintech.