L-impjiegi u l-industrija fl-Unjoni Ewropea se jkunu mħarsa aħjar kontra d-dumping u importazzjonijiet sussidjati. Dan se jkun qed isir taħt abbozz ta’ liġi li ntlaħaq qbil dwaru fil-jiem li għaddew.

Għall-ewwel darba, il-leġislazzjoni dwar id-difiża tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea se tkun qed tagħti kas l-livelli internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ambjent,  taħt ftehim informali li ntlaħaq mit-tim tan-negozjar tal-Parlament Ewropew u mill-ministri Ewropej matul is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew li tlaqqgħet fi Strasburgu f’Ottubru.

Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed taġġorna l-liġi tagħha dwar l-antidumping sabiex tibbilanċja prattiċi inġusti fil-kummerċ minn pajjiżi terzi li l-istati tagħhom jintervjeni fl-ekonomija b’mod estensiv.

Fin-negozjati, l-Ewro Parlamentari assiguraw li:

  • Għall-ewwel darba, ir-rispett lejn il-livelli internazzjonali tax-xogħol u l-ambjent fil-manifattura tal-prodotti ikun ikkunsidrat meta tittieħed deċiżjoni dwar il-miżuri tal-anti-dumping;
  • Ma jkun hemm ebda piż addizzjonali ta’ evidenza fuq il-kumpaniji Ewropej f’każijiet tal-anti-dumping, fuq il-proċedura kurrenti;
  • Intrapriżi żgħar u medji jingħataw assistenza sabiex jieħdu ħsieb il-proċeduri;
  • Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tirrapporta fid-dettall fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi li jesportaw, u se tiffoka fuq id-diskrepanzi sinifikattivi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż. Dan ukoll sabiex tagħti gwida ċara ta’ xi tfisser il-kelma “diskrepanzi”;
  • Il-partijiet kollha nvoluti, partikularment it-trade unions, jistgħu jagħtu l-ideat tagħhom dwar deċiżjonijiet li jittieħdu fuq miżuri dwar id-difiża tal-kummerċ.

Ir-rapporteur Salvatore Cicu qal: “Aħna nintervjenu meta s-suq tagħna jkun mifni bi prodotti magħmula bi prattiċi inġusti fil-kummerċ u b’diversi impjiegi mhedda. Kull pajjiż jista’ jibbenefika minn kummerċ dinji ħieles u ġust, iżda kull pajjiż għandu jimxi mal-istess liġijiet. Dan mhux il-każ jekk l-esportaturi jaħdmu f’sistema mħaddma mill-istat. Ninsab fiduċjuż li l-metodu l-ġdid biex wieħed jittratta pajjiżi b’diskrepanzi sinifikattivi fl-ekonomija se jkun qed iħares liċ-ċittadini tagħna mill-ħsarat tal-globalizzazzjoni”.

Bernd Lange, iċ-Chairman tal-Kumitat Kummerċ Internazzjonali qal: “Assigurajna li l-industriji tagħna jistgħu jiddefendu  lilhom infushom kontra prattiċi inġusti tal-kummerċ, issa u fil-futur. Assigurajna li l-kumpaniji Ewropej ma jħabbtux wiċċhom ma’ ostakli impossibbli meta jiġu biex jiddefendu lilhom infushom kontra d-dumping, kontra oppożizzjoni b’saħħitha. Il-liġijiet tagħna, li  huma kompatibbli ma’ dawk  tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kienu l-bażi għad-diskussjonijiet kollha.”

Il-passi li jmiss

Il-ftehim informali mar għall-vot fil-Kumitat Internazzjonali dwar  il-Kummerċ  f’Ottubru u mill-Kamra kollha fis-sessjoni plenarja li tlaqqgħet fi Strasburgu f’Novembru.

Fatti ta’   malajr

Taħt  il-liġijiet il-ġodda,  l-Unjoni Ewropea se tkun qed tuża l-istess metodoloġija tal-anti-dumping għall-membri kollha fil-WTO, u jpoġġu taħt il-mira dawk il-prezzijiet li ma jkunux bażati skont is-suq. Pjani aktar wiesa’ sabiex jaġġornaw “l-istrumenti dwar id-difiża tal-kummerċ” tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li t-tariffi jogħlew kontra importazzjonijiet sussidjati, qed ikunu negozjati bħalissa mal-ministri Ewropej.