Ħtieġa li nibdew riforma li twassal għal  tiġdid fis-separazzjoni tal-poteri

– Josef Vella, Kap Eżekuttiv – UĦM Voice of the Workers

“Pajjiżna qed isejħilna sabiex nitilgħu ‘l fuq mill-interess personali, ‘il fuq mill-interess  partiġjan. Ejja ma ndawrux wiċċna għal dak li qed jiġri f’pajjiżna, ejja ma nħammrux wiċċ omm li tatna isimha, ejja nagħmluha kburija li aħna Maltin u li f’dan il-pajjiż l-imħabba lejn pajjizna tiżboq kull interess partigjan u individwali.

Ejja ma niddeludux rwieħna li l-attakk fuq Daphne Caruana Galizia kien attakk fuq kull wieħed u waħda minnha.  Ma nħallux lil  min jipprova jbellagħilna illi dan kien qtil ieħor. Dan  kien assassinju ta’ mara, ta’ omm, ta’ Maltija li l-investigaturi mhuma qed ifittxu l-mottiv tiegħu mkien ħlief fil-kitba tal-pinna tagħha.

Ejja ma naħsbux li dan l-assassinju sar minħabba l-mod kif Daphne użat l-kelma iżda minħabba dak li kienet qed tiżvela jew dak li setgħet żvelat.  Iżda ejja wkoll nifhmu li dan l-qtil ma sarx f’iżolament waħdu iżda f’katina ta avvenimenti fejn Daphne laqtet fil-laħam il-ħaj nies fil-politika u  f’pożizzjonijiet pubbliċi.

Xi wħud qed jippruvaw jgħidu li dan mhux qtil politiku għax biex tgħid hekk irid ikun hemm il-politiċi nvoluti.  Meta l-mottiv tal-assassinju qed jiġi mfittex fil-kitba, meta l-mottiv joħroġ mill-pinna, allura ma hemmx mod ieħor kif tiddeskrivieh ħlief li huwa assassinju politiku.

Meta assassinju politiku jseħħ f’sensiela ta’ skandli, fejn daħlet kultura li ħadd ma jirriżenja, ħadd ma jieħu responsabbilta’ fejn kulħadd jipprova jibqa’ għaddej daqs li kieku xejn mhu xejn.  Allura dan kollu jħalli sentiment li f’dan il-pajjiż l-istituzzjonijiet tilfu l-awtonomija tagħhom.

Jekk nwieġbu għal din is-sitwazzjoni bl-indifferenza allura l-impatt mhux se jkun wieħed partiġjan iżda wieħed nazzjonali;  jekk inwieġbu għal din is-sitwazzjoni bl-apatija, allura l-impatt mhux se jkun biss politiku iżda ekonomiku.

Ejja ma mmorrux nahħbu li dak li qed jiġri f’pajjiżna m’għandux impatt fuq ix-xogħol, u fuq l-attrazzjoni ta’ investiment barrani lejn  pajjizna.  Dan  għax ekonomija b’saħħitha tinbena biss fuq soċjetà b’saħħitha, soċjeta’ li ġġorr il-valuri ta’ trasparenza, l-integrità ta’ l-istituzjonijiet indipendenti li jbaxxu rashom biss għas-saltna tad-dritt u mhumiex maħkumin minn saltna tal-biżgħa jew saltna ta’ indifferenza.

F’din is-sitwazzjoni l-uniku mod ‘il quddiem hi dik li nibdew riforma li twassal għal tiġdid f’dik li hi s-separazzjoni tal-poteri; fejn nies fil-pożizzjonijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, fost ohrajn, jinħatru b’żewg terzi tal-Parlament; fejn jsiru ħatriet ta’ persuni li jgawdu r-rispett tal-partijiet kollha. Dan  għax il-ġustizzja trid, mhux biss issir iżda tidher li qed issir, u biex l-ġustizja tidher li qed issir l-persuni nkarigati fil-process tal-ġustizzja jridu jkunu persuni li jispiraw liċ-ċittadini li huma persuni integri u liberi biżżejjed sabiex jagħmlu dan.”

Ara aktar id-diskors ta’  Josef Vella fil-filmat li qed jidher hawn  taħt:-