Is-settur tal-kostruzzjoni sar qisu xi ħaġa sagra f’dan il-pajjiż. Il-permessi għall-iżvilupp qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla u aktar ma jingħataw permessi aktar se jkun hemm tkabbir f’dan is-settur, aktar kuntratturi qed jinvestu fil-makkinarju u aktar nies qed jaħdmu f’dan il-qasam.  

Fi kliem ieħor qed nitkellmu fuq dipendenza. Aktar ma nkabbru dan is-settur aktar qed insiru dipendenti fuqha u, llum qed ngħidu li jekk is-settur tal-kostruzzjoni jiġrilu xi ħaġa, l-ekonomija Maltija tikkrolla. U dan probabbilment huwa minnu. Din mhix xi ħaġa naturali imma effettivament ħloqniha aħna. 

Naturalment l-aspett tal-kostruzzjoni dejjem huwa importanti għax f’moħħ  il-bniedem hemm l-idea li jinbidlu l-ispazji li jgħix fihom. Din dejjem eżistiet f’kull soċjeta’ u  se tibqa’ teżisti. Imma huwa mod li wieħed jibdel l-ispazji li jgħix fihom b’mod razzjonali u sostenibbli, u hemm ukoll mod li wieħed jibdel l-ispazji bħala għan għalih innifsu biex tinħoloq ekonomija bażata fuq  il-kostruzzjoni. 

Mark Anthony Falzon, antropologu u Kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Universita’ ta’  Malta, jistqarr li “l-kostruzzjoni f’pajjiżna mhix mod kif aħna noħolqu spazji fejn ngħixu, imma hi mod kif se ndawru r-rota ekonomika”. 

Il-Prof. Falzon jisħaq li “fejn għandek settur daqshekk sinjur, bi flus u profitti kbar involuti, ir-rabta mal-politika hi kbira ħafna”. Huwa jikkontendi li ebda partit f’Malta ma jissogra li ma jaġevolax lill-iżviluppaturi. Dan għax “huma l-iżviluppaturi li qed jagħtu l-flejjes kbar biex isostnu l-kampanji politiċi; jekk tara kif ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista qed jivvota fil-MEPA, tintebaħ li konsistentament qed jivvota bħall-Gvern”. Il-Professur Falzon jaħseb li waħda mir-raġunijiet hi li “llum ebda wieħed miż-żewġ partiti ewlenin ma jista’ jonqos (għal raġunijiet ta’ finanzjament tal-partit) milli jikkultiva b’mod attiv is-settur tal-kostruzzjoni”. 

Barra minn hekk qed nisimgħu u naqraw aktar dwar il-fenomenu ta’ “żvilupp żejjed”. Mhux se noqogħdu nduru mal-lewża. Nazzardaw ngħidu li tant hawn żvilupp żejjed li issa tlifna s-sens ta’ stabbilta’; is-sens ta’ kontinwita’  fil-pajsaġġ fiżiku ntilef kompletament.  

Bil-kelma kontinwita’ ma nfissrux li ma jista’ jinbidel xejn, imma jekk jinbidlu l-affarijiet, dawn jinbidlu b’mod sensibbli u mhux jitwaqqgħu strutturi li għandhom valur storiku. Il-kontinwita’ ukoll għandha sseħħ biex in-nies jirrelataw magħha.  

Ħafna nies qed iħossu li, iva, qed ngħixu fi żmien ta’ żvilupp żejjed għax qed iżommna milli nirrelataw ma’ dak kollu li hemm madwarna. Meta nitilfu l-kuntatt ma’ dak li jiċċirkondak, l-iżvilupp ma jkunx sostenibbli. Qed  ikun hawn ħeġġa totali fejn is-sens wiesa’ ta’ ambjent fiżiku mhux qed jiġi applikat imma minflok qed nisfruttawh b’sodisfazzjon istantanju ta’ flus.