“Hemm bżonn li ż-żgħażagħ tal-lum jitgħallmu kif għandhom jgħixu fis-soċjeta’ u kif taħdem id-demokrazija b’mod ħaj. L-edukazzjoni sekondarja m’għandhiex tkopri biss il-Matematika, l-Ingliż, il-Malti, ix-Xjenza u suġġetti skolastiċi oħrajn imma tinkludi tagħrif bażiku dwar il-ħajja – tagħrif li hawn nuqqas kbir fl-iskejjel tagħna.” 

Dan qalu Gian Paul Gauci, il-President ta’ UĦM Youths f’intervista ma’ Voice of the Workers b’reazzjoni dwar l-inizjattiva Vot 16. 

Hu fisser li l-UĦM Youths dejjem saħqu, f’laqgħat fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) u f’fora  oħrajn, li llum żagħżugħ ta’ 16-il sena qed ikun inkluż f’kollox minbarra fid-dritt li jmur jivvota. 

Gian Paul Gauci stqarr li  l-uniku tħassib ta’ UĦM Youths hu l-mod kif l-inizjattiva Vot 16 ġiet implimentata. Hu qal li kienet għaddiet liġi li persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota iżda magħha ma ġewx implimentati inizjattivi edukattivi, bħal ir-responsabbiltajiet ta’ żagħżugħ ta’ 16-il sena meta jiġi biex tivvota, tagħrif dwar is-sistema elettorali  kif ukoll informazzjoni dwar il-politika f’Malta. 

Il-UĦM Youths proprju saret taf dan l-aħħar li għalkemm għaddiet il-liġi ta’ Vot 16, il-Kodiċi Ċivili jimpedixxi lil żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ 16-il sena biex iwaqqaf/twaqqaf organizzazzjoni mhux governattiva (NGO). “Allura filwaqt li żagħżugħ ta’ 16-il sena issa għandu d-dritt  li jivvota, min-naħa l-oħra m’għandux il-faċilita’ li jeżerċita d-dritt tiegħu li jifforma jew jingħaqad f’grupp,” sostna Gian Paul Gauci. 

“Naħseb li għandna bżonn naraw dawk l-aspetti fil-ħajja li jolqtu żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena u nintroduċuhom f’daqqa….fl-aħħar mill-aħħar mhux lok li persuna żagħżugħa tista’ tivvota u ma tistax twaqqaf NGO”, żied jgħid Gian Paul Gauci. 

Il-UĦM Youths qed tisħaq sabiex ikunu identifikati dawk il-liġijiet f’Malta li jolqtu żgħażagħ ta’ 16-il sena u jekk hemm inizjattivi li jgħoddu għalihom għandhom jiġu sfruttati għall-iżvilupp personali, akkademiku u soċjali tagħhom. 

Gian Paul Gauci kompla li l-problema llum hi mhux jekk żagħżugħ ta’ 16, 18 u 25 sena għandhux dritt tivvota, imma jekk il-persuna żagħżugħa tafx dwar x’hiex qed tivvota.