“L-interess tal-pazjent twarrab għal kollox”. Kliem iebes minn infermier f’intervista ma’ Voice of the Workers dwar is-sitwazzjoni mill-aktar kerha fl-Isptar Monte Karmeli f’Ħ’Attard. 

Il-qagħda ta’ l-Isptar Monte Karmeli hi waħda inkwetanti ħafna u jidher li s-sitwazzjoni mhux qed tkun trattata bis-serjeta’. 

Sorsi li tkellmu ma’ dan il-portal fissru l-qagħda preokkupanti u tal-biżgħa li teżisti f’din l-istituzzjoni li suppost qed tħares il-kura u l-ħarsien ta’ pazjenti b’mard mentali. Jirriżulta li qed isir bil-kontra għax pazjenti vulnerabbli faċilment jistgħu jweġġgħu lilhom infushom jekk mhux agħar. 

“Il-post hu agħar minn  Alcatraz – madum maqlugħ jew imkisser, ħitan bix-xifer….dawn, fost oħrajn, huma mezzi biex pazjent vulnerabbli jkun jista’ iweġġa’ lilu nnifsu”. 

Meta reġgħet ħarġet l-aħbar tal-marda tal-leġjonella, u wara l-aħbar traġika ta’ pazjent li ħarab mill-isptar u mbagħad instab mejjet ftit jiem wara, bdew isiru xi tiswijiet biex taparsi tkun indirizzata s-sitwazzjoni. Iżda tant hemm traskuraġni u negliġenza li wara li saru x-xogħolijiet, min kien qed jagħmel il-manutenzjoni ħalla l-għodda barra. “Issa għidli inti kieku xi pazjent qabad xi tornavit u darab lilu nnifsu, mhux traġedja oħra kien ikollna?,”qalilna wieħed mis-sorsi. 

Xi ħaddiema kienu ilhom jilmentaw mas-superjuri tagħhom dwar in-nuqqas ta’ saħħa u sigurta’. Jidher li m’hemmx pjan biex isiru x-xogħolijiet neċessarji ta’ manutenzjoni. Sors partikulari qal li twieqi f’xi kmamar jistgħu jinqalgħu faċilment. L-istess sors tkellem dwar il-post fejn il-pazjenti jieklu flimkien. “Tal-biki,”qalilna filwaqt li żied li “l-post hu maħmuġ, hemm tkissir ma’ kullimkien u fannijiet antiki ma jaħdmux mgħottija bil-garbage bags”. 

Persuna li tkellmet magħna ddeskriviet is-soqfa kkundannati ta’ ċertu kmamar u zoni fl-isptar. Oħroġ il-għaġeb qed ikun allegat li t-tiswija u x-xogħolijiet fuq is-soqfa qed isiru fil-preżenza tal-pazjenti. 

Infermier li ilu għal dawn l-aħħar 30 sena jaħdem fl-Isptar Monte Karmeli stqarr b’wiċċu minn quddiem li fl-istituzzjoni hemm nuqqas qawwi ta’ infrastruttura. “L-ambjent hu sub-standard u ma jindirizzax il-bżonnijiet tal-lum – m’hemmx postijiet diċenti fejn tinħasel, fejn tagħmel il-bżonnijiet tiegħek u fejn torqod…fi kliem ieħor hemm nuqqas kbir ta’ iġjene.” 

Dan l-infermier fisser li hemm anki bibien bil-ħġieġ imkisser, sodod tal-ħadid kollha sadid,  banjijiet maħmuġin u jiżolqu kif ukoll showers ta’ 50 sena ilu. “Jekk inqala’ bieb, ma sarx ieħor tant li l-madum ta’ madwar il-bieb mhux mirqum kif suppost”. U xi ngħidu dwar il-kmamar? “Dawn ilhom 18-il sena biex jitbajdu u jissakkru minn ġewwa; jekk infermier jissuspetta li pazjent se jweġġa’ lilu nnifsu jrid jifqa’ l-bieb biex jidħol u jwaqqfu”. Is-sors li tkellem magħna stqarr li  tali periklu jista’ jiġi evitat jekk l-ambjent ikun wieħed addattat u modern. Hu żied li anki hemm nuqqas ta’ ventilazzjoni. 

Quddiem din is-sitwazzjoni prekarja u pjetuża, il-mistoqsija tiġi waħidha: allura l-awtoritajiet ta’ l-isptar ma jagħtux kas? Ħadd ma jitkellem u jaġixxi? Dan l-infermier qalilna li mhux l-ewwel darba li l-ħaddiema bagħtu emails lill-amministrazzjoni biex jesprimu t-tħassib u l-weġgħat tagħhom. Imma sabu l-intoppi. “Jittimbrawk…..kien  hemm mumenti fejn ġibdulna l-attenzjoni biex ma  nibgħatux aktar emails u ġejna mwissija biex noqogħdu attenti x’lingwaġġ niktbu….sal-lum, wara diversi emails ripetuti, ma ttieħdet l-ebda azzjoni”. Hu kompla li “jekk wieħed jilmenta mal-management jingħata tweġiba li hu qed imaqdar u qed jagħmel il-ħsara”. 

Dwar il-mod kif qed ikunu trattati l-ħaddiema, l-istess infermier qal li s-sitwazzjoni tant saret tqila politikament li l-interess mhux tal-pazjent. Mistoqsi jekk l-ambjent fl-isptar hux qed iwaqqa’ il-morall tal-ħaddiema, l-infermier li tkellem magħna qal li “jien u wħud minn  sħabi qed naħdmu f’ambjent ħażin li konna mdorrijin fih meta konna fl-Isptar San Luqa”. Hu żied li “minn hawn u minn hemm, jekk naraw il-post maħmuġ, innaddfuh; il-pazjent min-naħa l-oħra, m’għandux mezzi. Aħna nqattgħu 12-il siegħa hemmhekk u b’xi mod nadattaw imma l-pazjent m’għandux biex itejjeb lilu nnifsu. Agħar minn hekk il-kamra tiegħu mhix safe!”. 

Hu qal li l-Practice Development Unit, li suppost tfassal il-policies, mhux qed tingħata l-opportunita’ biex tagħmel xogħolha. 

Aktar dwar is-sigurta’, is-sors  li  tkellem magħna qalilna li lanqas hemm fire escape plan.”Biex tgħaxxaqha, hemm problema oħra li ma nistgħux inħallu fire extinguisher fil-miftuħ għax pazjent jista’ jsir aggressiv u jattakka lil xi ħadd bih.”  

L-infermier li tkellem ma’ Voice of the Workers irrefera għall-pazjenti u stqarr li 80 fil-mija minnhom huma minsijin mill-familji tagħhom. Il-familji tal-kumplament tal-pazjenti qed iġarrbu minn stress  u inkwiet peress li ġew kostretti li jafdaw il-kura tal-maħbubin tagħhom fi sptar b’ambjent degradanti.  

Kollox ma’ kollox, l-infermiera u l-istaff iddedidikati jagħmlu minn kollox biex il-pazjenti jkunu  kuntenti. “B’daħka ttella’  bniedem is-sema”, sostna s-sors tagħna filwaqt li żied “li  l-ambjent hu dak li hu u l-iċken ħaġa li tista’ tagħmel hi li tipprova tferrħu kemm tista’.” 

 

Nota: Għandkom xi storja li triduha ppubblikata fuq  Voice of the Workers? Ċemplu fuq 79440052 jew inkella ibgħatu email fuq pa@uhm.org.mt