L-istatistika turina li l-popolazzjoni Maltija qed tixjieħ. B’aktar anzjani li qed jgħixu iżjed, jiżdiedu aktar il-ħtiġiet speċjalment għall-kura. It-talba għall-kura u l-ħarsien tal-anzjani qed tikber bla waqfien.  

Wara li kienu ħadmu ħajjithom kollha u rabbew familja, l-anzjani jkunu jixtiequ aktar snin ta’ saħħa, jgħixu b’mod dinjituż, indipendenti ekonomikament u finalment iħallu din id-dinja fil-paċi. 

L-anzjani tagħna jixxenqu għall-kura, l-imħabba u l-għożża. Meta nifhmu l-ħtiġiet u t-tħassib tagħhom, inkunu qed niggarantixxu titjib fil-qagħda ta’ saħħithom. Meta nuru appoġġ emozzjonali lill-anzjani nkunu qed nagħmluhom kuntenti, li inevitabbilment hu l-mod ideali sabiex wieħed jgħix ħajja b’saħħitha. 

Madankollu, għal ħafna nies, il-provvediment tal-kura u l-attenzjoni lill-anzjani mhix possibbli minħabba esiġenzi tax-xogħol jew raġunijiet oħrajn. Għalhekk diversi anzjani jkunu akkomodati jew rikoverati fi djar jew  tal-Gvern jew  inkella tal-privat.  

Mistoqsija parlamentari li saret f’seduta l-ġimgħa li għaddiet trattat ilmenti li tressqu mill-anzjani li huma akkomodati fi djar tal-Gvern. Jirriżulta  li kien hemm 31 ilment u li l-maġġoranza tagħhom kienet dwar l-ikel u l-manutenzjoni. 

Barra minn hekk, jidher ukoll li, minn rapporti li daħlu għand dan  il-portal, hemm tħassib dwar il-kwalita’ tal-kura li qed tingħata lir-residenti kif ukoll dwar allegati nuqqasijiet u ineffiċjenzi.  

Għaldaqstant l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu ħsieb li tkun provduta akkomodazzjoni adekwata lil dawn l-anzjani li, minflok qed jgħixu fl-għozza tal-familji tagħhom, qed jintegraw ma’ anzjani oħrajn u mal-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom b’tant dedikazzjoni. L-istess awtoritajiet għandhom ukoll jaraw li l-anzjani ma jonqoshom xejn u li l-carers ma jġarrbux minn problemi addizzjonali mal-pressjoni u l-istress li diġa’  għandhom.