“Agħtu kas lill-qraba anzjani tagħkom…żuruhom ta’ spiss u tabbandunawhomx”. Messaġġ imqanqal minn carer, li xtaq ikun anonimu, f’intervista ma’ Voice of the Workers dwar il-ħidma tiegħu mal-anzjani f’Dar tal-Gvern partikulari.  

L-intervista saret b’reazzjoni għal mistoqsija parlamentari relatata ma’  ilmenti li tressqu minn residenti fid-djar tal-gvern għall-anzjani.  

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fis-seduta parlamentari ta’ nhar il-Erbgħa 14 ta’ Frar 2018, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri staqsa, fost oħrajn, lil Michael  Falzon, il-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjeta’ Soċjali, kemm tressqu lmenti minn anzjani rikoverati fi djar tal-Gvern. 

Il-Ministru Falzon wieġeb li matul is-sena li għaddiet tressqu 31 ilment dwar id-djar tal-Gvern għall-anzjani. Ħafna minn dawn l-ilmenti kienu dwar l-ikel u l-manutenzjoni.  

Il-Ministru Falzon qal, fil-Parlament, li  l-ilmenti kienu mmirati lejn id-djar tal-anzjani tal-Mellieħa, tal-Mosta, tal-Imtarfa u ta’ Bormla. Hu żied li meta d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità jirċievi l-ilmenti, tittieħed azzjoni b’mod immedjat kontra l-kuntrattur jew kontra l-istaff  konċernat. 

B’reazzjoni għal dak li ntqal fil-Parlament, il-carer li tkellem ma’ dan il-portal esprima t-tħassib tiegħu li d-djar tal-gvern, li qed jintużaw illum, inbnew biex jospitaw anzjani li kapaċi jagħmlu l-affarijiet waħidhom. “Meta daħlu anzjani rikoverati f’sodda u li allura kollox jiddependi fuqna, id-djar ġew wisq żgħar, m’għandniex apparat biżżejjed u l-manutenzjoni hi ineżistenti”, sostniet din il-persuna. Hu stqarr li l-għamara qdiemet ħafna u jeħtieġ li jkun hemm tagħmir mill-aktar modern. 

Il-ħaddiem li tkellem magħna fisser l-andament tal-ħidma tiegħu u ta’ sħabu fil-post tax-xogħol. Hu jinsab urtat għax in-numru ta’ ħaddiema allokati mas-swali mhux qed ikun kif suppost. “Ġieli nkunu sebgħa biex naħslu lill-anzjani iżda ġieli ġew ġranet fejn tnejn minna jakkumpanjaw lill-anzjani għall-appuntamenti tagħhom fl-isptar…allura nispiċċaw bi tnejn nieqsa u x-xogħol li jagħmluh seba’ persuni qed jinqasam fuq ħamsa…dan m’għandux jibqa’ sejjer hekk”, kompla dan il-carer 

Hu qal li ilu 20 sena jagħmel dan ix-xogħol u minkejja l-istress li ġġib magħha din il-vokazzjoni, xorta waħda jinsab kuntent jaħdem mal-anzjani. Iżda hemm diversi nuqqasijiet li qed iżidu mal-piż li jġib miegħu dan ix-xogħol – nuqqasijiet li sfortunatament qed joħolqu xkiel bla bżonn.  

“Lanqas għandna post diċenti biex nieħdu l-brejk tagħna!”, ilmenta dan il-ħaddiem filwaqt li stqarr li hu u sħabu ilhom ix-xhur jitkarbu biex jingħataw uniformi ġdida. “Ilna disa’ xhur nistennewha, daqqa jġibulna skuża u daqqa jagħtuna oħra…hekk sejrin”, sostna dan il-carer. 

Dwar l-apparat disponibbli, dan il-ħaddiem ikkritika l-kundizzjoni tas-sodod u tas-siġġijiet bir-roti. “Mhux qed issir manutenzjoni tas-sodod u tas-siġġijiet bir-roti u allura nsibuha diffiċli biex inqandluhom speċjalment bl-anzjani fuqhom”. 

“Ix-xogħol tagħna stressanti ħafna”, fisser dan il-carer filwaqt li żied li “ħafna mill-anzjani l-ħin kollu jgħajtulna u l-buzzer ma jiqafx….ġieli nkun id-dar rieqed u ninħasad b’xi ħoss li  naħsbu l-buzzer…dan għax il-ħin kollux nisma’ dawn l-affarijiet”, sostna dan il-ħaddiem. 

Min-naħa l-oħra x-xogħol mal-anzjani jagħti ħafna sodisfazzjoni lil dan il-carer u  lill-kollegi tiegħu. “Meta tisma’ lill-anzjani jgħidulek ‘grazzi’ jew tarahom b’dik it-tbissima, inħossuna sodisfatti”, kompla dan il-carer. 

“Mhux l-ewwel darba li mmorru out of our way biex ngħinuhom. Niltaqgħu ma’ anzjani li l-qraba tagħhom lanqas biss iżuruhom. Ġieli jkollhom bżonn xi ħaġa, ma jkollhomx flus fuqhom u nispiċċaw nixtruhielhom aħna…f’ċertu każi naraw l-ulied jiġbru ċ-ċekk tal-pensjoni u jitilqu ‘l barra….lanqas jindenjaw ruħhom biex ikellmuhom!”. 

Intant f’kummenti lil dan il-portal, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri stqarr li n-numru żgħir ta’ djar tal-anzjani hi waħda inkwetanti u jekk ma jkollniex akkomodazzjonijiet alternattivi l-kwalita’ tal-kura lill-anzjani se tonqos mill-effiċjenza.  

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa spiss iżur dawn id-djar sabiex jinvista wħud mill-anzjani. Stephen Spiteri stqarr li dawn il-persuni “ikunu ħadmu ħajjithom kollha, rabbew familji u ta’ dik l-eta’ ikun jistħoqqilhom kura xierqa”. 

It-Tabib Spiteri ukoll irrimarka dwar il-ħaddiema li qed ikollhom pressjoni kbira waqt il-ħin tax-xogħol. “Din is-sitwazzjoni qed taffettwahom mentalment….ma ninsewx li x-xogħol mal-anzjani hu wieħed delikat u b’element ta’ vokazzjoni”, kompla d-Deputat Nazzjonalista filwaqt li żied li “l-pressjoni li qed ikun hemm qed taffettwa l-prestazzjoni fil-ħidma tagħhom”. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, Voice of the Workers jirreferi għall-istatistika li qed turina b’mod ċar kif il-popolazzjoni tagħna qed tixjieħ. Il-fatt li qed ngħixu aktar qed joħloq problemi oħrajn bħad-dimensja.  Jidher li din il-kundizzjoni la qed tkun indirizzata b’mod immedjat u lanqas fit-tul. In-numru ta’ anzjani bid-dimensja qed jiżdied u l-unika sala li tospita anzjani b’din il-marda hi dik li qiegħda fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Għaldaqstant l-akkomodazzjoni soċjali għal dawn l-anzjani għandha tiżdied u tkun disponibbli filwaqt li tiżdied il-kura ta’ kwalita’ mingħajr ma jinħoloq aktar xkiel fuq il-ħaddiema.