Ir-rotta tal-immigrazzjoni fiċ-Ċentru tal-Mediterran fi żmien il-COVID-19
Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili kien qed isegwi mill-qrib żviluppi fiz-zona taċ-Ċentru tal-Mediterran, wara li Malta u l-Italja, kif ukoll il-Libja, iddikjaraw li l-portijiet tagħhom mhux sikur minħabba l-COVID-19. Dan wassal biex dgħajjes f’diffikultà ġew rappurtati li kienu rifjutati l-għajnuna kif ukoll episodji ta’ mijiet ta’ persuni jfittxu l-ażil iqattgħu diversi ġimgħat abbord dgħajjes f’nofs ta’ baħar qrib il-port qabel ma seħħ l-iżbark.
Il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz ta’ Azzjoni Esterna, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM), u l-NGO Ġermaniza Sea Eye, se jaġġornaw lill-Membri Parlamentari Ewropej bl-aħħar informazzjoni. Barra minn hekk, huma jistennew li jirċievu d-dettalji tant mistennija dwar il-mandat u l-attivitajiet tal-operazzjoni navali Ewropeja IRINI, li fl-1 ta’ April ħadet post Operazzjoni Sophia u li d-dmir prinċipali tagħha hu li tassigura li l-embargo tal-armi impost fuq il-Libja mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jkun infurzat.
Skont il-UNHCR, mill-bidu ta’ din is-sena, 5,472 immigrant u persuni jfittxu l-ażil waslu fl-Italja abbord id-dgħajjes u 1,694 daħlu f’Malta. Fl-istess perijodu, 7,697 persuna laħqu Spanja mill-Mediterran bil-baħar u 10,076 irnexxielhom jidħlu l-Greċja. Mill-inqas 186 persuna tilfu ħajjithom jipprovaw jilħqu territorji Ewropej.