Is-sistema edukattiva f’Malta hija mitfuħwisq lejna dak li huwa skolastiku jew akkademiku. Limportanti f’Malta huma ċċertifikati. L-istudenti saru qishom robots jitgħallmu bl-amment is-sillabu li jaħsbu li jkun se joħroġ fl-eżami. Ma jeżisti ebda ħjiel ta’ tagħlim dwar il-ħiliet tal-ħajja. L-istudenti mhux qed jitgħallmu affarijiet bażiċi li wara l-istudji jridu jużawhom tul ħajjithomInsemmi xi wħud – kif jaħdem il-Parlament? X’tgħid il-Kostituzzjoni  ta’ Malta?  

Il-pandemija li għadna kemm ġarrabna rat t-tagħlim isir b’mod virtwali. Ħobbu jew obgħodu, naħseb li t-tagħlim online se jkun il-futur. L-għalliema għandhom minn issa jitħejjew għal dan fil-kors tal-Edukazzjoni fl-Università. Għall-istudenti żwiemel, it-tagħlim online mhux se jtellifhom imma naħseb li l-istudenti batuti se jkunu emarġinati iżjed. L-għalliema għandhom kurrikulu li jridu jimxu  miegħu u jista’ jkun li xi wħud ma jkollhomx ħin biex jgħinu lill-istudenti batuti. B’edukazzjoni online, din il-kwistjoni tista’ tissolva  għax l-għalliem ikun jista’ jgħin one-to-one f’ħin differenti. Kull lezzjoni tista’ issir bħala webinar fejn l-istudenti u l-għalliema jkunu jistgħu jikkomunikaw u jiddiskutu bejniethom.  

Minkejja dan kollu, naħseb li ma jkunx ħażin li l-istudenti tal-Primarja u tas-Sekondarja jiltaqgħu, imqar ġurnata fil-ġimgħa, biex isiru lezzjonijiet tal-isport jew inkella tagħlim prattiku ieħor bħal ħiliet għall-ħajja. L-għalliema jkunu jridu jibdlu totalment l-istil li s’issa huma mdorrijin bih. Għalija, hawnhekk jinsab l-ikbar ostaklu.  

Hekk kif is-sistema tat-telework ħadmet f’diversi postijiet tax-xogħol, it-tagħlim online ukoll jista’ jwassal għal riżultati pożittivi. Dan mhux qed ngħidu biex iseħħ fis-sena skolastika li jmiss imma ‘l hemm irridu naslu fil-futur. 

Jien mhux edukatur u allura ma nistax nara l-problemi kollha li  jistgħu jinħolqu bis-sistema tat-tagħlim online. Madankollu, wieħed irid ukoll jara l-effetti pożittivi li s-sistema toffri b’mod ġenerali. Bit-tagħlim online, nistgħu nnaqqsu, fost oħrajn, it-traffiku u t-tniġġis li jiġi kkawżat minnu. 

Illum l-għodda kollha qiegħda hemm: kompjuters b’saħħithom, smartphones u infrastruttura tal-Wifi. Itthink-tank li nħoloq mill-Gvern jista’ jistudja din il-possibbiltà. Ħasra li l-istudenti (mhux l-għalliema biss) ma ġewx involuti! 

Barra minn hekk, Malta trid tħares ukoll lejn sistemi ta’ tagħlim bħal fil-Fillandja, fin-Norveġja u fil-Ġappun. Fil-Fillandja, per eżempju, ma jeżistux suġġetti partikulari. It-tagħlim tal-Matematika, l-Istorja u  l-Ġografija huma mħallta f’laqgħat li t-tfal ikollhom matul il-ġimgħa – bi brejk kull siegħa. Fil-Ġappun, it-tfal jitgħallmu jkabbru l-ħaxix, jitgħallmu jagħmlu l-manutenzjoni fid-dar – ilkoll ħiliet li t-tfal isibuhom utli wara li jispiċċaw l-edukazzjoni formali.