Il-COVID-19 affettwa il-ħajja personali tagħna kif ukoll il-postijiet tax-xogħol. Diversi organizzazzjonijiet qatt ma esperjenzaw bidliet mgħaġġlin f’dak li jwettqu u kif jiffunzjonaw, bix-xogħol ‘il bogħod mill-uffiċċju u d-distanza soċjali jsiru n-normalità il-ġdida. Madankollu, il-Coronavirus ma kienx l-uniku fattur li affettwa l-prattiċi tax-xogħol tagħna. 

Teknoloġiji ġodda ilhom jinfluwenzaw id-dinja tax-xogħol għal żmien mhux ħażin. Uħud mill-impjiegi se jkunu affettwati mit-teknoloġija. Diġà nafu, per eżempju, li ċertu xogħolijiet ta’ rutina f’impjiegi b’ħiliet baxxi qed ikunu awtomatizzati. Barra minn hekk, diversi teknoloġiji hemm barra qed jistennew biex ikunu applikati. Sabiex insemmu xi wħud, ejja  naħsbu fl-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija bl-użu tad-drones. Aħna ppreparati biżżejjed bil-wasla ta’ aktar għodda tat-teknoloġija? 

L-għodod teknoloġiċi kif se jolqtu lill-ħaddiema? Jekk naraw ix-xenarju preżenti li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, diversi ħiliet tekniċi qed jispiċċaw. Il-COVID-19 uriena kemm irridu naddattaw malajr – diversi ħaddiema f’daqqa waħda bdew  jaħdmu mid-dar, imexxu timijiet b’mod virtwali, jiddependu mill-video conferencing għall-kollaborazzjoni u għal-laqgħat, fost xogħolijiet oħrajn.  

Li ninvestu fl-iżvilupp u fit-tkabbir personali tagħna huwa  importanti. Aktar ma nżidu u naġġornaw fil-ħiliet tagħna, aktar se nkunu utli f’għajnejn min iħaddimna u f’dawk tal-futur kif ukoll inkunu ppreparati għal bidliet fil-ġejjieni fil-karrieri tagħna. 

Il-UĦM Voice of the Workers qed tiddiskuti mal-partijiet interessati dwar kif it-teknologija tista’ tgħin sabiex il-postijiet  tax-xogħol ikunu aktar flessibli u l-ħaddiema jkunu kapaċi jaħdmu b’mod remot.  

Barra minn hekk, biż-żieda fit-teknoloġija, l-element uman se jibqa’ importanti. Irridu nagħtu iżjed kas lejn ċertu ħiliet bħal il-kreattività, l-adattabbilità  u l-ħsieb kritiku. 

Kollox ma’ kollox, irridu nidentifikaw xi nuqqasijiet fil-ħiliet tagħna li x’aktarx ibiegħduna milli niksbu riżultati pożittivi fil-karriera tagħna fil-futur, nibqgħu ffokati, inkunu kurjużi u sempliċiment nibqgħu nitgħallmu.