Ir-responsabbilta’ politika u l-kultura tar-riżenji li ma teżistix
Il-kontabbilta’ u r-responsabbilta’ politika huma l-essenza tad-demokrazija. Il-kontabbilta’ hija r-responsabbilta’ ta’ dawk kollha li jeżerċizzaw l-awtorita’ fejn hemm numru ta’ responsabbiltajiet li huma delegati.
Wieħed mill-aktar prinċipji bażiċi u fundamentali ta’ soċjeta’ demokratika hu li l-Gvern irid ikun kontabbli liċ-ċittadini tiegħu. Tali kontabbilta’ f’Malta sseħħ permezz tal-kontroll parlamentari. Kull ministru, suppost, irid ikun kontabbli għall-uffiċċju tiegħu lill-Parlament u għalhekk responsabbli lill-elettorat Malti. It-twettiq ta’ din ir-responsabbilta’, kif tafu, isir malli wieħed jiġi elett fil-Parlament.
Imma, jekk tosservaw tajjeb, il-Ministri fil-Gvern u d-deputati fl-Oppożizzjoni kemm verament huma kontabbli u responsabbli ta’ għemilhom? Ix-xjenza politika tgħallimna li l-Ministri fil-Gvern u d-deputati fl-Oppożizzjoni jridu jaġixxu b’mod responsabbli u jkunu kontabbli lill-elettorat li silifhom il-mandat biex jirrapreżentawh fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Teoretikament, jekk ma jagħmlux hekk, jistgħu jitilfu r-riedni tal-poter. Fil-prattika, imma, l-istorja hija ħaġa oħra.
F’Malta, għadna qed ngħixu sitwazzjoni surreali. Niftakru li fl-aħħar snin saru diversi allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra Ministri u uffiċjali fil-Gvern. L-Oppożizzjoni, esponenti mill-media u rappreżentanti mis-soċjeta’ ċivili talbuhom, għal aktar minn darba, biex jirriżenjaw. Irriżenjaw? Le, f’Malta m’għandniex kultura ta’ riżenji!
Dan l-aħħar smajna bil-qtil ta’ Lassana Cisse minn żewġ suldati fil-Forzi Armati f’Ħal Far. Il-Ministru tal-Intern intalab biex jerfa’ ir-responsabbilta’ politika, responsabbilta’ li biex tintrefa’ trid issir wegħda.
Min-naħa l-oħra, jekk nieħdu x’qed jiġri fl-Oppożizzjoni wara r-riżultat negattiv ħafna tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, ir-responsabbilta’ politika qed tintalab ukoll biex tinġarr mill-Kap tal-Partit u t-tim ta’ madwaru. F’dan ix-xenarju, smajna u qrajna b’deputati Nazzjonalisti, eks uffiċjali fil-Partit Nazzjonalisti u ħafna partitarji li talbu għar-riżenja ta’ Dr. Delia.
F’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li saret fil-jiem li għaddew kien hemm min ħaseb li se jiġri xi ħaġa. Kien rappurtat fil-media li matul din il-laqgħa kien hemm xi deputati li talbu għar-riżenja ta’ Dr. Delia. Imma f’wiċċhom baqa’! Jidher li skont kif ġie rappurtat, Dr. Delia xejjen talbiet biex jirriżenja u saħaq li qed jassumi responsabbilta’ taż-żewġ telfiet elettorali. Hu qal li se jibqa’ għaddej permezz ta’ għaxar proposti biex il-Partit Nazzjonalista jkun ristrutturat radikalment.
Sadattant saret ukoll petizzjoni biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u matulu jiġi diskuss r-riżultat miksub fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali kif ukoll ir-responsabbilta‘ politika li għandha tintrefa’ minn Adrian Delia bħala Kap tal-Partit. Sussegwentament malajr tħejjiet mozzjoni biex topponi din il-petizzjoni. Issa narax x’se jiġri!
F’pajjiżi Ewropej fejn id-demokrazija tabilħaqq tibbrilla, Ministri u saħansitra Prim Ministri assumew ir-responsabbilta’ politika u rriżenjaw talli seħħew skandli fid-dekasteri tagħhom, jew kienu involuti f’xi każi huma stess jew saħansitra wasslu biex il-partiti li jmexxu ġarrbu telfiet elettorali . F’Malta, imma, isir l-oppost. Il-kilba għall-poter, l-arroganza, il-kburija u s-suppervja jibqgħu jirrenjaw a skapitu taċ-ċittadini onesti u tar-reputazzjoni tal-pajjiż. Ir-responsabbilta‘ politika f’Malta tabilħaqq trid taraha taħt il-lenti!