Livelli għoljin ta’ assenteiżmu jibqgħu ta’ problema għal xi wħud mill-postijiet tax-xogħol. Il-ħaddiema jkunu assenti mix-xogħol għal diversi raġunijiet. L-aktar raġuni aċċettata hija li l-ħaddiem jevita milli jmur għax-xogħol minħabba l-mard.  

Madankollu, hemm raġunijiet oħrajn li jistgħu jiġu aċċettati bħal emerġenzi personali jew tal-familja. Raġunijiet li mhumiex aċċettati jinkludu l-iskartar mix-xogħol biex wieħed jattendi attivitajiet soċjali u l-hangovers wara xi lejl ta’ tbaħrid u xorb bla waqfien.  

Studju partikulari sab li l-assenteiżmu ma jistax jiġi eradikat. Individwi bi kwistjonijiet ta’ saħħa jistgħu jibbenefikaw minn perijodi ‘l  bogħod mill-post  tax-xogħol, filwaqt li kwistjonijiet personali oħrajn jistgħu wkoll jaggravaw tali episodji ta’ assenteiżmu. Il-frekwenza tal-assenteiżmu, madankollu, tista’ tiġi mnaqqsa. 

Min iħaddem għandu jikkunsidra li jevita miżuri riġidi li mhumiex popolari sabiex jillimitaw l-assenteiżmu. Dan għax  dawn  il-miżuri xi kultant għandhom effetti li mhumiex mixtieqa, bħal l-inkoraġġiment ta’ persuni  morda biex  jirrapportaw  għax-xogħol. Min iħaddem għandu minflok jistinka biex irawwem postijiet tax-xogħol u ħaddiema aktar b’saħħithom. Dan jista’ jseħħ b’tali miżuri billi jkunu provduti talbiet realistiċi tax-xogħol u r-riżorsi meħtieġa biex ilaħħqu magħhom. 

Miżuri oħrajn ta’ prevenzjoni, bħal il-provvediment tal-eżerċizzju, il-ħin u  faċilitajiet fil-post tax-xogħol kif ukoll appoġġ għall-ħaddiem marid mill-professjonisti tas-saħħa, wkoll għandhom ikunu inkoraġġiti. 

Ir-ritorn bikri għax-xogħol wara l-assenteiżmu jista’ jkun aċċettat meta l-kundizzjonijiet li jassistu lill-individwi biex jirkupraw fil-post tax-xogħol ikunu implimentati. Il-provvediment ta’ xogħol sinifikanti wkoll jista’ jgħin fit-tnaqqis tal-assenteiżmu, filwaqt li l-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ xogħol flessibbli jistgħu jgħinu lill-ħaddiema biex jindirizzaw l-isfidi personali tagħhom mingħajr ma jirrikorru għall-assenteiżmu.