It-trade unions Maltin huma element importanti fil-proċess tad-djalogu soċjali lokali. Flivell Ewropew, id-djalogu soċjali huwa meqjus bħala  komponent fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew, tant  hu hekk, li  l-Kummissjoni Ewropea trid tikkonsulta mal-imsieħba soċjali qabel ma tieħu xi azzjoni fil-qasam tal-politika soċjali. 

L-Assi ta’ Prijorita’ (PA) 4 tal-Fond Soċjali Ewropew joffru opportunita’ lill-NGOs, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjeta’ ċivili biex japplikaw għal proġetti fil-bini tal-kapaċita’ fis-settur tad-djalogu soċjali. Permezz ta’ sejħa li  għadha fl-istadju ta’ qabel it-tħabbir taħt  din il-PA, l-imsieħba soċjali jistgħu jissottomettu proposti għal proġetti bl-iskop li jiksbu l-kapaċita’ teknika neċessarja sabiex jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ policies tal-Gvern. L-applikanti jistgħu jissottomettu proġetti li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom fil-proċess tad-djalogu soċjali għal policies Ewropej u nazzjonali.  Tali bini tal-kapaċita’ tista’ tinkludi titjib fil-koordinazzjoni ma’  min jagħmel il-policies u/jew kapaċita’ teknika aħjar biex wieħed jipparteċipa fid-djalogu soċjali fuq livell Ewropew. 

Is-sejħa tipprovdi appoġġ finanzjarju sa €100,000 li jkopri l-massimu ta’ 80 fil-mija tal-ispejjeż eliġibbli. Il-proġetti jistgħu jinkludu taħriġ, riċerka u attivitajiet ta’ networking. 

Għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa u biex issir taf kif il-MEUSAC jista’ jgħinek fil-proċess  tal-applikazzjoni għall-fondi, ċempel fuq 2200 3300 jew ibgħat email lil funding.meusac@gov.mt.