L-impjegati tal-FSWS għadhom bil-bolol nieqsa – f’dan il-każ tal-2005 u l-2006.

Madwar 200 impjegat tal-FSWS għadhom bil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (bolla) tagħhom neqsin minkejja li f’Ottubru li għadda l-gvern kien assigura lil dawn il-ħaddiema li l-kwistjoni kienet se tissolva u ma kellhomx għalfejn jinkwetaw.

Erba’ xhur wara jirriżulta li dawn l-impjegati tal-Fondazzjoni tas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali għadhom fl-inkwiet, peress li l-kontribuzzjonijiet neqsin tagħhom ma ġewx irranġati. Skont kalkoli preliminari li saru mill-entità stess, madwar €10 miljun f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nstabu neqsin minkejja li dan l-ammont kien ġie mnaqqas mis-salarju tagħhom.

Oriġinarjament in-numru ta’ impjegati milquta kien ta’ madwar 400, iżda madwar nofshom kellhom is-sitwazzjoni tagħhom irranġata wara li ppreżentaw il-payslips antiki. Madankollu, dawk li ma kellhomx il-payslip li kienu rċevew snin ilu għadhom bil-bolol neqsin. Skont l-FSWS, dawn jammontaw għal madwar 200 impjegat.

Il-kwistjoni hija ta’ tħassib kbir peress li l-impjegati affettwati jistgħu jirċievu pensjoni aktar baxxa minn dik li huma intitolati għaliha, u jistgħu saħansitra jiġu penalizzati fil-benefiċċju tal-mard tagħhom.

Wara dan l-iskandlu li kien żvelat minn Voice of the Workers Weekly, iċ-chairperson tal-bord tal-FSWS Joe Gerada kien “issospenda lilu nnifsu”. Sadattant, il-Ministeru tal-Politika Soċjali kien fetaħ inkjesta mmexxija mill-Imħallef irtirat Antonio Mizzi. Il-kompożizzjoni sħiħa ta’ dan il-bord qatt ma ġiet żvelata. Dak iż-żmien il-Ministeru tal-Politika Soċjali li huwa politikament responsabbli għal din il-Fondazzjoni kien saħaq li l-impjegati ma kinux se jiġu affettwati b’mod negattiv peress li “qed isiru aġġustamenti” mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata.

Madankollu, dan il-portal ġie avviċinat minn impjegati li ġew milquta li esprimew id-diżappunt tagħhom li l-wegħda tal-gvern għada ma seħħitx. “Dan huwa ta’ tħassib peress li nibżgħu li l-kwistjoni tista’ tibqa’ tkarkar għal snin twal,” xi wħud mill-ħaddiema qalu.

Ikkuntattjat minn Voice of the Workers Weekly, il-Ministeru tal-Politika Soċjali ma ta l-ebda dettalji meta mistoqsi x’passi ttieħdu f’dan ir-rigward iżda rrimarka li s-sitwazzjoni tal-impjegati fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tagħhom “qatt ma kienet ippreġudikata”. Madankollu, dan ma jistax jingħad sakemm il-bolol tagħhom jibqgħu imniżżlin bħala nieqsa.

Dwar it-termini ta’ referenza tal-investigazzjoni, u d-deċiżjoni dwar jekk is-sejbiet għandhomx jiġu ppubblikati jew le, il-ministeru ma ikkommettiex ruħu. “Il-proċeduri għadhom għaddejjin u qed nistennew li jiġu konklużi fil-ġimgħat li ġejjin. Il-bord investigattiv huwa mmexxi minn eks Imħallef u jirregola l-proċeduri tiegħu stess,” kelliema tal-ministeru qalet.