Ġemma b’kollaborazzjoni mal-Caritas u l-Fondazzjoni HSBC Malta, bħala parti mill-programm ta’ għarfien u edukazzjoni tagħha qed tniedi inizjattiva oħra biex tkompli tagħmel emfasi dwar l-importanza tal-kapaċità finanzjarja fost il-komunità lokali.

Permezz ta’ dan il-programm ta’ taħrig ġdid dwar il-kapaċità finanzjarja, ĠEMMA  se tħarreġ iktar minn 52 voluntiera ta’ CARITAS li huma midħla sew tax-xogħol fil-komunità. Dawn il-voluntiera imbagħad se jagħtu sessjonijiet edukattivi dwar diversi temi finanzjarji bħal ma huma l-immaniġjar tal-flus, il-monitoraġġ tad-dejn, l-ibbaġitjar, is-self, it-tfaddil kif ukoll pariri siewja oħra li għandhom x’jaqsmu mal-flus. Il-parroċċi se jintużaw biex jingħataw dawn is-sessjonijiet biex b’hekk tiġi faċilitata l-attendenza tal-parteċipanti. CARITAS se tagħti dawn is-sessjonijiet anki fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex minħabba l-importanza li t-tfal jinteressaw ruħhom fl-immaniġġar tal-flus minn età bikrija.

Bħal programmi oħra ta’ suċċess ta’ taħriġ li huma stabbiliti fil-kalendarju ta’ ĠEMMA, ta’ min isemmi wkoll it-taħriġ li qed jingħata kemm mal-Istitut Paolo Freire kif ukoll mas-Servizzi ta’ Saħħa Mentali.

Din l-attività ta’ Train-the-Trainer bħal attivitajiet oħra, ma setgħetx tkun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ u l-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Dawn bħala kollaboraturi ta’ ĠEMMA dejjem għarfu l-importanza li jittejjeb il-litteriżmu finanzjarju, u ħadmu bis-sħiħ ma’ ĠEMMA  biex din issir pjattaforma kredibbli ta’ kapaċità finanzjarja dwar kif persuna għandha tieħu l-aħjar deċiżjonijiet finanzjarji meta tippjana għall-futur.

“Din l-inizjattiva ta’ ĠEMMA hija pass ieħor biex tħeġġeġ in-nies biex jitgħallmu iktar dwar il-miri ta’ kapaċità finanzjarja tagħhom. Dan biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet finanzjarji bi ħsieb għaliex mingħajrhom il-ħajja tagħhom tkun aktar stressanti,”qal Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.

Dawn is-sessjonijiet se jgħinu l-parteċipanti biex jifhmu iktar dwar il-kwistjonijiet ta’ flus u l-għażliet marbuta mal-istil tal-ħajja. Il-Fondazzjoni HSBC Malta għandha storja twila ta’ appoġġ u kollaborazzjoni ma’ ĠEMMA f’numru ta’ inizjattivi dwar il-kapaċità finanzjarja. “Din l-inizjattiva ġdida hija prova oħra tal-impenn tagħna li ngħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jakkwistaw il-ħiliet finanzjarju li jeħtieġu biex isibu s-suċċess fil-ħajja” stqarr Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju, tal-Bank HSBC Malta p.l.c.

“Bħala NGO aħna nkomplu bl-isforzi u l-ħidma tagħna biex neqirdu l-faqar u nħaffu t-tbatija filwaqt li nippromwovu l-iżvilupp uman. Permezz ta’ din l-attività, CARITAS se tfittex li teduka l-voluntiera tagħha biex itejjbu l-benesseri billi jifhmu aħjar il-valur tal-flus sabiex jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet finanzjarji” enfasizza Anthony Gatt, Direttur ta’ CaritasMalta

Għal iktar informazzjoni tistgħu żżuru s-sit ta’ ĠEMMA  fuq gemma.gov.mt