Iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja ikkawżat mill-Covid-19 tinsab fuq fomm kulħadd jekk hux fuq livell politiku, tar-relazzjonijiet industrijali u anke fuq il-midja soċjali. Sfortunatament, dak li xi ekonomisti kienu stennew li jkun effett temporanju qed jirriżulta bħala xi ħaġa li se jkollna naddattaw għaliha għall-futur immedjat. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi globali bħat-tensjoni li hemm mar-Russja dwar l-Ukrajna, aggravaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-fuel. Fil-każ ta’ Malta, il-gvern qed jgħid li diġà nefaq madwar €200 miljun fl-2021 biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel taħt kontroll.

Madankollu, jeħtieġ li nħarsu lejn l-istampa kollha biex niżguraw li membri vulnerabbli tas-soċjetà bħal dawk bi dħul baxx ikunu jistgħu jifilħu għal xokkijiet bħal dawn. Waħda mill-għodod ewlenin li ilha tintuża għal dawn l-aħħar 30 sena hija ż-żeda għall-għoli tal-ħajja (COLA). Dan il-mekkaniżmu jipprova jikkwantifika ż-żieda reġistrata fis-sena ta’ qabel permezz tal-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, u jikkumpensa kif xieraq fil-forma ta’ żieda fil-pagi ta’ kull ġimgħa għas-sena ta’ wara. Filwaqt li hemm kunsens li l-introduzzjoni tal-COLA kien pass importanti, huwa kważi universalment rikonoxxut li din l-għodda teħtieġ reviżjoni jew inkella hemm riskju li ma tibqax relevanti. Ma tantx jagħmel sens li individwi li jaqilgħu somom kbar kull xahar jiġu trattati  bħal dawk li jkunu mal-linja tal-faqar. X’sens jagħmel li impjegati b’salarju annwali ta’ aktar minn €60,000 jirċievu l-istess kumpens bħal dawk li jaqilgħu €900 fix-xahar? Filwaqt li minn perspettiva strettament akkademika wieħed jista’ jargumenta li t-tnejn li huma ġew esposti għall-istess żieda fl-għoli tal-ħajja, il-kuntest ta’ kull każ huwa oppost. Nefqa fix-xahar ta’ €400 fuq l-ikel għal xi ħadd b’salarju ta’ €5,000 ma tistax titqabbel ma’ spiża ta’ €400 fix-xahar għal xi ħadd li jaqla’ €900 fix-xahar. Madankollu, fuq il-karta ż-żieda fl-għoli tal-ħajja fi kwalunkwe xenarju hija statistikament l-istess!

Għalhekk kull dibattitu dwar mekkaniżmu ġdid biex jieħu ħsieb il-vulnerabbli ma jistax jirnexxi sakemm jiġi adottat mudell wieħed għal kulħadd. F’dan ir-rigward ta’ min ifaħħar l-impenn tal-gvern li jniedi mekkaniżmu ġdid u separat biex jieħu ħsieb il-gruppi vulnerabbli. Ovvjament, kull forma ta’ kumpens jew allowance trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Barra minn hekk, anki meta jiġu ttrattati gruppi speċifiċi tas-soċjetà, bħal pereżempju l-pensjonanti, ikun żball li jiġu ttrattati bħala grupp wieħed identiku peress li jista’ jkun hemm differenzi kbar f’dik il-kategorija. Jista’ jkun hemm pensjonanti li jgħixu f’riskju ta’ faqar jekk mhux agħar, u jista’ jkun hemm oħrajn li jgħixu ħajja komda ħafna fejn kwistjonijiet finanzjarji ma jkunux fuq moħħhom. Din il-konsiderazzjoni għandha tingħata piż peress li ħafna drabi mekkaniżmi bħal dawn huma bbażati fuq il-medja li bihom ir-riżultat aħħari jnaqqas il-varjazzjoni notevoli fil-prezzijiet li jkun hemm matul is-sena. Fl-aħħar mill-aħħar, meta jiġri hekk jegħleb l-għan ewlieni tal-mekkaniżmu li jidentifika u jgħin min hu l-aktar fil-bżonn. Minflok, hemm bżonn mudell li jenfasizza ż-żidiet fil-prezzijiet li jeħtieġu attenzjoni, biex tkun tista’ tittieħed azzjoni. Jekk nibqgħu nadottaw metodoloġiji li jippruvaw imewtu d-differenzi soċjo-ekonomiċi inkunu sempliċement inkunu qed ngħattu x-xemx bl-għarbiel. F’dak il-każ wieħed jista’ jsejjaħ tali strateġija bħala waħda li ma tolqot lil ħadd.