Photo: EP

77 sena wara l-ħelsien tal-kamp ta’ konċentrament Nażista ta’ Auschwitz fis-27 ta’ Jannar 1945, il-MPE onoraw il-memorja tal-vittmi tal-Olokawst.

Fil-ftuħ taċ-ċerimonja, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet: “Fil-jum tat-Tifkira tal-Olokawst, niftakru d-delitti mwettqa kontra l-umanità fil-passat, iżda niftakru wkoll l-importanza li nitkellmu, fil-preżent. Magħqudin fid-diversità, nitkellmu kontra dawk li jiċħdu l-Olokawst, kontra d-diżinformazzjoni u kontra l-vjolenza ta’ kull tip li timmira u tispiċċa lill-membri tal-komunitajiet tagħna”.

“Se nonoraw il-wirt tal-vittmi tal-Olokawst. Billi ma ninsew qatt. Billi qatt ma nkunu kompjaċenti. Billi dejjem, dejjem nitkellmu.”

Fid-diskors tagħha, Margot Friedländer, li għandha 100 sena u li għexet l-Olokawst, tkellmet dwar kif ommha u ħuha nqatlu f’Auschwitz, u kif hi stess inqabdet u kienet deportata lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Theresienstadt, fejn rat tbatija indeskrivibbli iżda baqgħet ħajja.

Is-Sinjura Friedländer spjegat kif, wara li marret lura Berlin minn New York fl-età ta’ 88 sena, issa tivvjaġġa madwar il-Ġermanja biex tiltaqa’ ma’ studenti, li titlobhom biex isiru xhieda tal-kruhat tal-Olokawst peress li hi u sħabha li baqgħu ħajjin mhux se jkunu jistgħu jagħmlu dan għal ħafna iktar żmien. “Kun bniedem! In-nies għamlu dak li għamlu għax ma għarfux lin-nies bħala nies,” qalet. “Ma tistax tħobb lin-nies kollha, imma kulħadd jixraqlu li jiġi rispettat. M’hemmx demm Nisrani, demm Lhudi, demm Musulman, hemm biss demm uman. Aħna lkoll l-istess. Dak li ġara, ġara – ma nistgħux nibdluh aktar. Imma qatt m’għandu jerġa’ jiġri.”

Hija wissiet li llum il-memorja tal-Olokawst hija “politikament abbużata, xi kultant anke ridikolata”. L-hekk imsejħa “Istilla Lhudija”, qalet, hija “użata bla mistħija llum minn għedewwa ġodda tad-demokrazija biex jippreżentaw lilhom infushom fil-pubbliku – u f’nofs id-demokrazija! – bħala vittmi. F’jum bħal-lum, irridu noqogħdu flimkien biex il-memorja tal-Olokawst tibqa’ vera u ma tiġi abbużata minn ħadd.”

Is-Sinjura Friedländer kkonkludiet id-diskors tagħha billi appellat lin-nies biex ikunu “viġilanti, u mhux iħarsu ’l bogħod kif għamilna dak iż-żmien. Il-mibegħda, ir-razziżmu, l-anti-semitiżmu m’għandhomx ikunu l-aħħar kelma fl-istorja. It-trattament tan-nies bħala bnedmin, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon jew l-etniċità, huwa kruċjali speċjalment illum. L-umanità, it-tolleranza u r-rispett huma aktar importanti minn qatt qabel għall-koeżistenza paċifika. Din hi x-xewqa tiegħi f’dan il-jum importanti ta’ tifkira u kommemorazzjoni, għad-dinja, għall-Ewropa, u għalina lkoll.”

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel saħaq li l-Olokawst kien traġedja Ewropea, u li twettqu reati inkonċepibbli fuq art Ewropea. “Ilkoll għandna responsabbiltà speċjali u dmir speċjali. U aħna lkoll il-gwardjani ta’ din il-memorja,” qal, filwaqt li enfasizza li l-Ewropa hija d-dar tal-Lhud u li d-difiża tad-demokrazija Ewropea tfisser il-ġlieda kontra l-anti-semitiżmu.

Fir-reazzjoni tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet: “L-Unjoni li rridu nibnu hija post fejn kulħadd jista’ jkun dak li jrid ikun. Post fejn mara Lhudija bħal Simone Veil, superstita tal-Olokawst, tista’ tqum biex issir il-President ta’ dan il-Parlament Ewropew kburi, post fejn kulħadd huwa intitolat għall-istess drittijiet, u jiġi ttrattat bl-istess dinjità.” Il-kommemorazzjoni ntemmet b’minuta silenzju f’ġieħ il-vittmi tal-Olokawst, u interludju mużikali.