Huwa sigriet magħruf li l-Maltin ġeneralment mhumiex xi nies li jħobbu jaqraw. Il-miġja tat-televiżjoni u sussegwentement tal-midja soċjali serviet biex is-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Xejra bħal din normalment timmanifesta ruħha f’livell baxx fl-użu tal-lingwa, vokabularju fqir u f’xi minn daqqiet nuqqasijiet fl-artikolazzjoni ta’ kif tibni argument. Dan hu evidenti mil-livell ta’ kitba fuq il-Facebook jew il-kummenti li jkun hemm taħt l-istejjer fis-siti tal-aħbarijiet fuq l-internet.

Sfortunatament, is-sitwazzjoni tidher li sejra għall-agħar. Is-sena l-oħra n-numru totali ta’ kotba mislufa minn Malta Libraries – entità Statali li fl-2011 ħadet it-tmexxija tal-libreriji pubbliċi kollha – naqas b’41% fuq l-2019. Għalkemm dan it-tnaqqis jista’ jkun parzjalment attribwit għar-restrizzjonijiet imposti minħabba l-Covid-19, iż-żieda fil-kotba elettroniċi li kienu mislufa (kotba f’format diġitali li tissellifhom mingħajr ma tmur il-librerija) ma kkumpensatx għat-tnaqqis.

Jirriżulta li fl-2020 l-ammont totali ta’ kotba mislufa naqas b’460,000 minn 1,046,000 fl-2019 għal 618,000. Min-naħa l-oħra, l-eBooks telgħu minn 14,000 għal 46,000.

L-istatistika turi b’mod ċar li l-qari kien vittma maġġuri tal-pandemija. It-tnaqqis huwa saħansitra aktar sinifikanti meta wieħed iqis li għal ħafna ġimgħat in-nies kellhom ħafna iktar ħin liberu għax l-attivitajiet soċjali kienu pprojbiti jew ristretti. Minkejja dan, il-qari ma deherx li kien fuq l-aġenda tagħhom.

Għaliex qed jiġri dan? Fir-realtà, tendenza bħal din qed tiġi rreġistrata wkoll madwar id-dinja. Illum il-ġurnata l-istatus tal-ktieb qed jiġi mhedded minn mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, consoles tal-logħob, it-televiżjoni u l-midja soċjali. Is-sitwazzjoni hi għal kollox differenti minn dik li kienet 40 jew 50 sena ilu meta l-kotba kienu attrazzjoni ewlenija u ftit li xejn kellhom kompetizzjoni.

Madankollu, l-istatistika għandha tittieħed f’ċertu kuntest jekk mhux kawtela. Filwaqt li t-televiżjoni wassal għal tnaqqas fil-qari, l-internet mhux neċessarjament kellu impatt kompletament negattiv. Minbarra l-eBooks, l-internet jintuża wkoll bħala sors alternattiv ta’ informazzjoni u ħa post l-enċiklopedija tradizzjonali. Għalkemm l-affidabbiltà ta’ ċerti sorsi tista’ tkun dubjuża, l-internet għamel l-għerf aktar aċċessibbli għall-mases. L-istess japplika għall-bidla mill-gazzetti għas-siti elettroniċi tal-aħbarijiet. Li tqum filgħodu u taqra l-aħħar aħbarijiet fuq it-telefown ċellulari mingħajr ma jkollok bżonn toħroġ fil-kesħa biex tixtri l-gazzetta hi realtà totalment differenti mil-passat. M’hemm paragun mad-dinja ta’ 20 sena ilu. It-triq ’il quddiem hi li t-teknoloġija tkun mezz biex jiżdied il-qari u mhux li nipprovaw nevitawha.  

Il-qari jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq is-saħħa. Meta taqra ktieb tajjeb, kemm fil-format tradizzjonali jew f’dak diġitali, tista’ ttaffi l-istress u tirrilassa. Il-fatt li tuża il-memorja biex tiftakar il-karattri u l-kumplotti li jkunu għaddejjin fl-istorja, jistimula l-moħħ biex jaħdem. Dan is-sajf, ikkunsidra li taqra ktieb biex ittejjeb saħħtek. Din tista’ toffrilek mumenti ta’ rilassament. Filwaqt li biex iżżomm qalbek b’saħħitha, tista’ tmur ġirja, biex iżżomm moħħok b’saħħtu huwa essenzjali li taqra ktieb tajjeb.